Lokali

Taxxi ġodda fuq l-annimali eżotiċi f’Malta

Liġi ġdida li qed jipproponi li jdaħħal il-Gvern Laburista, dik dwar l-annimali eżotiċi, mistennija twassal ukoll għal taxxi oħra, b’somom eżorbitanti imposti fuq is-sidien ta’ dawn l-annimali.

F’dokument ippublikat il-ġimgħa li għaddiet, wieħed isib lista twila ta’ annimali deskritti bħala perikolużi u li fuq il-frieħ tagħhom trid titħallas somma ta’ bejn €50 u €10,000 skont l-ispeċi. Taxxa wkoll fuq il-bejgħ ta’ dawn l-annimali, li tvarja bejn il-€100 u l-€20,000.

Din l-aħbar qanqlet reazzjoni mis-sidien ta’ dawn l-annimali li jinsabu b’mod regolari u reġistrati f’pajjiżna.

Madankollu din it-taxxa mistennija tolqot ħażin ukoll lill-pet shops u wkoll ċittadini li għandom annimali bħax-xadini, li bħalhom f’Malta hawn mijiet, u li jinżammu b’mod privat bħala pets. F’każ ta’ xadini żgħar, li huma l-iktar komuni f’pajjiżna, iddaħħlet taxxa ta’ €100 meta jitwieldu l-frieħ, u €200 biex jinbiegħu.

Se jintlaqtu wkoll is-sidien ta’ sriep, bid-dħul ta’ taxxa ta’ €1,000 biex dawn jinbiegħu, li tiżdied għal €2,500 f’każ ta’ sriep velenużi, kif ukoll is-sidien ta’ gremxul u brimb li huma ferm imfittxija minn numru mdaqqas ta’ Maltin li jrabbuhom.

L-ogħla taxxi huma mposti fuq annimali inqas komuni għal pajjiżna bħall-iljunfanti, rinoċeronti,  ġiraffi fejn is-somma għall-frieħ tagħhom ivarjaw minn €5,000 sa €20,000.