Internazzjonali

It-tellieqa tar-Repubblikani għall-White House: Kritika għal Rubio waqt dibattitu

Is-Senatur ta’ Florida, Marco Rubio, spiċċa mira għal kritika minn kandidati oħra tar-Partit Repubblikan li qed jittamaw li, f’Novembru, jikkuntestaw għall-Presidenza tal-Istati Uniti f’isem dan il-partit.

Il-kandidati Repubblikani kienu qed jieħdu sehem f’dibattitu televiżiv fi New Hampshire fejn spikkaw it-tensjoni u l-battibekki filwaqt li dehru d-differenzi bejn il-kandidati rigward kwistjonijiet li jinkludu s-sigurtà nazzjonali, l-abort u l-immigrazzjoni.

Marco Rubio, li jiem ilu kien mar tajjeb fil-laqgħa ta’ Iowa għall-għażla bejn il-kandidati Repubblikani, kien suġġett għal diversi attakki min-naħa tar-rivali, b’mod partikolari, il-Gvernatur ta’ New Jersey Chris Christie.

Għalkemm Rubio qed jidher dejjem aktar bħala sfidant validu għat-tikketta Repubblikana, Christie qal li ‘(Rubio) hu kandidat mingħajr esperjenza’ waqt li l-kandidati Donald Trump u Jeb Bush ukoll ma tilfux okkażjoni biex jattakkaw lis-Senatur ta’ Florida waqt id-dibattitu. Min-naħa tiegħu, Rubio pprefera li jirriserva l-kritika tiegħu għall-politika tal-President Amerikan Barack Obama.

Id-dibattitu fi New Hampshire sar ftit jiem biss qabel l-Istat jagħżel in-nominati tal-Partit Repubblikan u tal-Partit Demokratiku f’din il-fażi tat-taqtigħa Presidenzjali.

L-aħħar stħarriġ minn New Hampshire jissuġġerixxi li Donald Trump, li spiċċa t-tieni fil-vot ta’ nhar it-Tlieta f’Iowa, kien ‘fuq quddiem’, skont l-għażla popolari tar-Repubblikani f’dan l-Istat.