Internazzjonali

Tensjoni bejn l-Italja u l-Awstrija dwar miżuri kontra l-immigrazzjoni

L-Italja u l-Awstrija jinsabu fl-eqqel ta’ konfront jaħraq wara li l-politiċi u l-membri tal-istampa Taljana rreaġew bir-rabja għall-miżuri ġodda kontra l-immigrazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Awstrijaċi u li jistgħu jagħlqu l-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi.

Il-Ministru tal-Intern Awstrijak, Wolfgang Sobotka kellu jmur Ruma biex jispjega l-pjani tal-Gvern tiegħu lill-Ministru Taljan għall-Intern, Angelo Alfano – bl-istess Sobotka jiddefendi l-pakkett ta’ miżuri kontroversjali ta’ pajjiżu li hu assoċjat mal-ispinta fil-popolarità tal-partit estremista tal-lemin Awstrijak.

Il-Prim Ministru Taljan, Matteo Renzi, wissa li l-għeluq (min-naħa tal-Awstrija) tal-Aċċess ta’ Brenner famuż, fir-reġjun tal-Alpi, għandu jitqies bħala ‘abbuż sfaċċat tar-regoli tal-Ewropa’. Renzi qed iwettaq pressjoni fuq l-Unjoni Ewropea biex iġġiegħel lill-Awstrija żżomm lura mill-pass kontroversjali li ħafna jibżgħu li jista’ jissimbolizza ‘l-mewt’ tas-sistema ta’ Schengen li tesiġi għal fruntieri miftuħa fl-Ewropa’.

Madankollu, il-Gvern Awstrijak jinsab taħt pressjoni intensiva, fuq livell domestiku, biex irażżan il-volum ta’ immigranti – fosthom persuni li qed ifittxu kenn politiku – li qegħdin jaslu fl-Awstrija. Dan meta l-estremisti tal-lemin Awstrijaċi jidhru li qegħdin jiggwadanjaw, politikament, mis-sitwazzjoni.