Internazzjonali

Terremot qattiel jheżżeż lin-Nofsinar tal-Ġappun

Talanqas żewġ persuni tilfu ħajjithom f’terremot qawwi li laqat lin-Nofsinar tal-Ġappun, fejn spiċċaw jikkrollaw numru ta’ residenzi. Kienu rrappurtati anki diversi midruba, bit-theżżiża – li mmarkat 6.4 fuq l-Iskala Richter – tikkaġuna wkoll l-intoppi fil-provvista tad-dawl.

L-uffiċjali Ġappuniżi qalu li jista’ hemm numru ta’ nies maqbudin taħt tifrik ta’ bini mwaqqa, fost rapporti li talanqas 16,000 residenza spiċċat mingħajr elettriku.

Ma ħarġu l-ebda twissijiet ta’ tsunami wara li t-terremot laqat zona lejn il-Lvant tal-belt ta’ Kumamoto, fuq il-gżira ta’ Kyushu. Intant, ma kenux affettwati r-reatturi nukleari fuq l-istess gżira li jingħad li baqgħu jaħdmu bħas-soltu.

It-terremot tal-bieraħ kien segwit minn theżżiż sekondarju li rreġistraw sa 5.7 u 6.4 fuq l-Iskala. L-impatt tat-theżżiża, f’xi bnadi, kien intensiv daqs tat-terremot storiku li kien laqat il-pajjiż fl-2011 u li kien qajjem tsunami enormi fi traġedja doppja li ħalliet ‘il fuq minn 18,000 mejtin u nieqsa, fost sitwazzjonijiet ta’ meltdown fl-impjant nukleari ta’ Fukushima Daiichi.

L-aħħar rapporti mill-Ġappun qalu li talanqas 20 residenza kkrollat fit-theżżiża tal-bieraħ, meta l-awtoritajiet kienu qed jevalwaw il-livell tal-ħsara.