Internazzjonali

Terremot qawwi jolqot il-Punent ta’ Sumatra

Kien hemm terremot qawwi l-Erbgħa barra l-kosta ta’ Sumatra fil-Punent tal-Indoneżja. It-terremot kellu l-qawwa ta’ 7.8 fuq l-Iskala Richter u qanqal allert fir-reġjun minħabba l-possibbiltà ta’ tsunami. Tsunami li mbagħad ma seħħx.
Skont il-US Geological Survey (USGS), l-epiċentru kien 805 kilometru fil-Lbiċ tal-belt ta’ Padang u f’fond ta’ 24 kilometru.
Għall-ewwel kien hemm rapporti li seta’ kien hemm xi vittmi tul il-kosta ta’ Sumatra, imma ftit wara l-istess uffiċjali qalu li ma setgħux jikkonfermaw dan. Dan minkejja li t-theżżiż ħoloq paniku kbir partikolarment f’Padang. Hawn kien hemm ftit kaos fit-toroq hekk kif inħass it-terremot u l-pazjenti nħarġu mill-isptarijiet bħala prekawzjoni.
Kien terremot ta’ din l-intesità li fl-2004 li kien heżżeż l-Oċean Indjan barra l-kosta tal-Indoneżja li mbagħad ħoloq tsunami enormi li ħalla 170,000 persuna mejta fir-reġjun.