Internazzjonali

Terrorista Ċeċen jista’ qed imexxi lill-ISIS fil-Libja

Kmandant misterjuż miċ-Ċeċenja, li l-aktar fattur sinifikanti dwaru hi d-daqna ħamranija, mifhum li qed imexxi l-ġlieda tal-ISIS fil-Libja.

Rapporti mis-servizzi sigrieti lokali qalu li konvoj ta’ 14 il-karozza, protetti minn diversi vetturi armati, kienu daħlu, jiem ilu, fil-fortizza tal-ISIS f’Sirte qrib il-kosta Libjana. L-indikazzjonijiet huma li l-kmandant inkwistjoni – Abu Omar al-Shisani, imwieled il-Ġorġja – kien qed jivvjaġġa ma’ dan il-konvoj u wara li hu irnexxielu jirrekluta numru ta’ ġellieda barranin ( inklużi xi Britanniċi) għal mal-ISIS.

Kien l-istess Al-Shishani (li l-veru isem tiegħu hu Takhan Tayumurazoch Batirashvili) li irrekluta lil Mohammed Emwazi – il-bojja tal-priġunieri magħruf mad-dinja bħala Jihadi John – mal-ISIS. Emwazi kien inqatel minn drone, ġimgħat ilu, u llum Al-Shishani sar magħruf bħala wieħed mill-aktar terroristi mfittxa fid-dinja.

Minkejja diversi rapporti li Al-Shishani kien ‘inqatel’ waqt attakki mill-ajru tal-Amerikani fis-Sirja – b’rapporti oħrajn itennu li hu ‘spiċċa priġunier tal-qawwiet Iraqqin’ – l-element tal-misteru dwar dan il-kmandant terrorista jibqa’ wieħed qawwi u miftuħ għal kull interpretazzjoni.

L-allegata preżenza ta’ Al-Shishani fil-Libja segwiet l-aħħar movimenti ta’ Kmandanti tal-ISIS li telqu mis-Sirja fejn kienu qed isofru mill-bumbardamenti tal-qawwiet tal-ajru Amerikani u Britanniċi.

Abu Omar al-Shishani kiseb reputazzjoni għall-aġir barbaru tiegħu fis-Sirja fejn mexxa brigata ta’ ġellieda barranin (mal-ISIS) li kienu responsabbli għal sensiela ta’ qtil, aggressjoni suwiċida u atroċitajiet oħra.

L-aħħar rapporti qalu wkoll li ‘l-Kmandanti ġodda tal-ISIS’ f’Sirte ma tilfux iż-żmien biex jeżerċitaw il-mezzi tat-terrur ‘tagħhom’ f’din il-belt Libjana. Talanqas tnejn mill-kmandanti fl-inħawi jingħad li għandhom ‘daqqa ħamranija’ u d-dehriet potenzjali ta’ Al-Shishani segwew rapporti sigrieti dwar il-wasla ta’ ‘kap ġdid misterjuż tal-ISIS magħruf bħala Abu Omar’.

Fil-ġimgħat qabel il-wasla tal-qawwa (ġdida) tal-ISIS fil-Libja, it-terroristi f’Sirte kienu ġabru numru ta’ suspettati spjuni u sallbuhom f’postijiet fejn jista’ jarahom kulħadd.