Internazzjonali

It-terrorista qalilhom li kien se jmur iqassam il-ġelat

Filmat juri l-mument li l-Pulizija qatlet lit-terrorista

Ir-raġel li wettaq l-attakk terroristiku f’Nizza bi trakk kbir qal lill-Pulizija li kien se jmur iqassam il-ġelat.

It-terrorista nqatel mill-Pulizija Franċiża wara kważi żewġ kilometri ta’ sewqan f’nofs folla nies li nġabru biex jiċċelebraw Jum il-Bastilja. Hu kellu 31 sena u hu ta’ oriġini Franċiża-Tuneżina.

L-attakk seħħ bi trakk li serrep fil-folla. It-trakk ma waqafx qabel qatel 84 persuna, fosthom tfal, u darab għexieren oħra.

Skont rapporti fil-media, it-terrorista kien ilu pparkjat fl-istess triq fejn seħħ l-attakk għal madwar 9 sigħat qabel saq għal fuq il-folla. Meta l-Pulizija marru jistaqsuh, qalilhom li kien se jmur iqassam il-ġelat.

Għall-ħabta tal-10.30pm, ir-raġel beda jsuq matul Promenade des Anglais u kompla jżid il-veloċità waqt li tajjar u qatel għexieren ta’ persuni. Aktar tard hu nqatel mill-Pulizija (filmat taħt).