Internazzjonali

Terroristi fil-Filippini riedu jaħtfu lil boxer Manny Pacquiao

Terroristi fil-Filippini riedu jaħtfu lil boxer, Manny Pacquiao

Il-President tal-Filippini, Benigno Aquino III qal li l-militanti tal-grupp Abu Sayyaf, li, jiem ilu, qatgħu r-ras ta’ ostaġġ Kanadiż, kienu qed jippjanaw biex joqtlu lilu waqt li ( anki) jaħtfu lill-famuż boxer Filippin, Manny Pacquiao.

Il-President Aquino sostna li l-militanti Iżlamiċi li qatlu lill-Kanadiż, John Ridsdel, riedu wkoll itajjru l-bombi fil-qalba metropolitana ta’ Manila, biex jippruvaw jiksbu fondi mingħand l-ISIS. Il-kumplott falla ladarba l-pjani kienu żvelati u issa t-truppi Filippini ‘naqqsu l-kapaċità tal-grupp terroristiku biex jagħmel il-ħsara fis-soċjetà’.

Il-vittma Kanadiż tal-Abu Sayyaf, li kellu 68 sena, inqatel xhur wara li hu u xi ostaġġi oħra kienu nħatfu mill-inħawi ta’ resort turistiku, qrib il-belt Filippina ta’ Davao.

Il-mandat tal-Presidenza ta’ Aquino jintemm f’Ġunju u l-Mexxej Filippin qal li se jiddedika ‘l-enerġija kollha tiegħu’ lill-impenn biex tonqos it-theddida tal-militanti f’pajjiżu. Aquino qal ukoll li ‘ma teżisti l-ebda possibbiltà ta’ taħditiet mal-membri brutali tal-Abu Sayyaf’.

Manny Pacquiao, eks champion tad-dinja, illum irtira mill-boxing professjonali u llum għamel ukoll isem bħala politiku, negozjant, kantant u attur.