Lokali

Terz ta’ miljun f’direct orders lill-kumpanija li kien konsulent tagħha qabel sar chairman tal-Awtorita’ tal-Logħob

Informazzjoni li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra tindika li ċ-chairman tal-MGA Joseph Cuschieri ta €330,000 f’direct orders lill-kumpanija tal-awditjar EY, liema kumpanija kien konsulent tagħha qabel ma inħatar fit-tmexxija tal-Awtorita’ tal-Logħob. F’sentejn kemm ilu chairman, Joseph Cuschieri ta b’kemm jiswew €1.8 miljun f’direct orders ta’ dan it-tip.

Wara EY, it-tieni l-aktar kumpanija li ingħatat direct orders kienet Nexia BT ta’ Brian Tonna li ħadet kważi €213,000 f’direct orders mill-MGA.

Din l-istorja ġie żvelata fil-ħarġa tal-lum tal-ġurnal Times of Malta, fejn Cuschieri qed jiġi kwotat jgħid illi hu ma jqisx l-kuntratti li ta lil EY bħala kunflitt ta’ interess. Qal ukoll li f’dawn il-każi ma setax joħroġ tender għaliex kien ikollu jikxef informazzjoni sensittiva.

Cuschieri inħatar chairman tal-MGA wara li Joseph Muscat ħa t-tmexxija tal-pajjiż f’idu fl-2013. F’dawn is-sentejn, kumpaniji oħra tal-awditjar bħal Deloitte u KPMG ħadu flimkien in-nofs tal-ammont li ingħatat Nexia BT f’direct orders. Filwaqt li PwC ħadet biss direct order wieħed ta’ €51,000.