Lokali

Aġġornata: Tfajla ta’ 17-il sena tmut f’incident tat-traffiku fil-Kappara

Ritratti : Martin Agius/ Stephen Chircop

Kmieni dalgħodu għall-ħabta tal-ħamsa, tfajla ta’ 17-il sena tilfet ħajjitha f’inċident tat-traffiku.

Mill-ewwel ġiet infurmata l-Pulizija li kien għadu kemm seħħ inċident fi Triq Mikiel Anton Vassalli, fil-limiti tal-Kappara (Tas-Sliema).

Il-Pulizija mill-Għassa ta’ Tas-Sliema marret minnufih fil-post fejn hemmhekk ġiet innutata vettura tat-tip Toyota Vitz b’xi ħsarat. Mill-ewwel investigazzjonijiet tal-Pulizija jidher li waqt li l-vettura kienet qed tiġi misjuqa direzzjoni minn San Ġiljan lejn Tas-Sliema, is-sewwieq – ġuvni ta’ 23 residenti Ħal Balzan għal xi raġuni tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu u kellu impatt l-ewwel aktarx ma’ ħajt u ħabat ma’ vettura oħra. Fil-vettura kien hemm żewġ persuni oħra, oħt is-sewwieq li għandha 17-il sena u ġuvni Daniż ta’ 18-il sena, it-tnejn residenti wkoll Ħal Balzan.

WhatsApp-Image-20160719 (1)

image

Fil-post issejjaħ team mediku mill-Isptar Mater Dei. Sfortunatament, it-tfajla sofriet ġrieħi serji u tilfet ħajjitha fuq il-post, filwaqt li ż-żewġ ġuvintur ittieħdu l-Isptar sabiex jingħataw il-kura medika. Aktar tard il-Pulizija ġiet infurmata li l-ġuvni Daniż sofra ġrieħi ta’ natura ġravi, filwaqt li s-sewwieq ma’ sofra ebda ġrieħi.

WhatsApp-Image-20160719

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr D Frendo Dimech LLD li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.

Intant, il-karreġġjati direzzjoni minn San Ġiljan lejn Tas-Sliema huma magħluqa għat-traffiku u ser jinżammu magħluqa għal xi ħin.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin. Din hi t-12-il fatalità f’inċident tat-traffiku din is-sena.