Internazzjonali

Tfal mira ta’ armi kimiċi fid-Darfur

Għexieren ta’ tfal f’Darfur kienu allegatament maqtula meta sfaw il-mira ta’ armi kimiċi li qed jingħad li ntużaw fuqhom mill-Gvern tagħhom stess. Dan meta l-Gvern ta’ Khartoum u r-ribelli fl-inħawi ta’ Darfur ilhom f’konflitt għal dawn l-aħħar 13 il-sena.
Il-grupp Amnesty International sostna li t-tfal Sudaniżi kienu fost aktar minn 200 persuna li s-sorsi qed jikkalkulaw li ‘sfaw maqtula minn dawn l-armi pprojbiti’ minn Jannar li għadda ’l hawn.
In-nies li jinzertaw fiz-zoni fejn isiru dawn it-tipi ta’ attakki u li jibilgħu ‘id-dħaħen velenużi’ jispiċċaw imutu f’agunija, bil-Gvern tas-Sudan isostni li l-allegazzjonijiet inkwistjoni huma ‘mingħajr bażi’.
L-Ambaxxatur tas-Sudan għan-Nazzjonijiet Uniti, Omer Dahab Fadl Mohamed, qal li ‘l-allegazzjonijiet dwar l-użu tal-armi kimiċi mill-qawwiet armati Sudaniżi huma kollha infondati u qlajjiet tan-nies’. Hu kompla li allegazzjonijiet bħal dawn huma intiżi biex iħawdu l-proċessi attwali għat-tkattir tal-paċi u l-istabbiltà u biex is-Sudan igawdi mill-iżvilupp ekonomiku u l-koeżjoni soċjali’.