Internazzjonali

‘Tfalli prova ta’ missila’ tal-Korea ta’ Fuq

Uffiċjali militari fil-Korea t’Isfel qalu li l-Korea ta’ Fuq ippruvat tispara missila ballistika, bħala prova, ‘il hinn mill-kosta tal-Lvant, iżda l-eżerċizzju qed jidher li falla.

Mhux ċar x’tip ta’ missila kienu qed jippruvaw il-Koreani komunisti iżda r-rapporti qalu li l-prova ‘segwiet tliet provi oħra’ tal-missila ‘Musudan’, għal fuq id-distanzi medji, li kienu saru f’April. L-ebda waħda minn dawn il-provi ma rnexxiet.

Il-Korea ta’ Fuq hi pprojbita min-Nazzjonijiet Uniti milli tuża kwalunwke teknoloġija fil-qasam tal-missili ballistiċi. Dan meta għadha għolja t-tensjoni fir-reġjun tal-Korea wara li r-reġim tal-Korea ta’ Fuq komunista wettaq ir-raba’ prova nukleari tiegħu f’Jannar, minbarra sensiela ta’ provi missilistiċi.