Lokali

It-tfittxija fil-Lands ma kinitx investigazzjoni kriminali mill-Pulizija!

Dik li ħafna ħasbu li kienet il-bidu ta’ investigazzjoni mill-Pulizija fid-Dipartiment tal-Lands, filfatt ma kienet investigazzjoni xejn!

Il-ġurnal Times of Malta żvela dan f’rapport ippubblikat dalgħodu. Il-Pulizija kienet marret fid-Dipartiment tal-Artijiet wara li l-Awditur Ġenerali ppubblika rapport li kkundanna l-iskandlu Gaffarena, u li wassal għar-riżenja ta’ Michael Falzon.

The Times qalet li ħafna kienu ħasbu li l-Pulizija bdew jinvestigaw, iżda issa, jirriżulta li l-Pulizija marru fil-Lands sempliċiment biex id-dokumenti jkunu aċċessibbli għal bord li twaqqaf minn Joseph Muscat wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Awditur Ġenerali – bord li suppost għandu jara kif qed jitmexxa d-Dipartiment.

Dan ifisser li effettivament, s’issa għada ma bdiet l-ebda investigazzjoni kriminali marbuta mal-iskandlu Gaffarena minkejja appelli kontinwi biex il-Pulizija jinvestigaw jekk kienx hemm korruzzjoni f’dan il-każ.

Dwar dan, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fi tweet qal li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu jinvestiga l-iskandlu Gaffarena mingħajr aktar dewmien.