Internazzjonali

Tfittxija għal librar-qattiel b’ossessjoni għal ‘Hannibal Lecter’

Il-Pulizija madwar l-Ewropa qed tfittex librar Pollakk ta’ 27 sena li jingħad hu ossessjonat b’Hannibal Lecter – il-karattru tas-serial killer fittizju fil-film Silence of the Lambs – u li allegatament spiċċa jbiċċer għalliema b’xabla tas-Samurai.

Kajetan Poznanski, minn Varsavja, ma kellu l-ebda rekord kriminali iżda minn imkien sar magħruf bħala ‘wieħed mill-aktar irġiel imfittxija’ fl-Unjoni Ewropea. Dan meta n-network tal-pulizija Interpol irreġistrah bħala bniedem mill-aktar perikoluż.

L-awtoritajiet jemmnu li r-raġel maħrub qatel mara – magħrufa biss bħala Katarzyna J – li kienet tgħallmu t-Taljan waqt li kien fid-dar tagħha fit-3 ta’ Frar li għadda. Qed jingħad li l-qattiel ‘biċċer il-katavru tal-vittma bix-xabla qabel ħa l-partijiet tal-katavru lura d-dar u tahom in-nar bl-iskop li jħawwad lill-investigaturi’.

Mifhum li Poznanski uża rucksack u bagalja biex iġorr il-partijiet imbiċċra tal-vittma tiegħu waqt li kien qed jivvjaġġa lura d-dar b’taxi. Il-fdalijiet ta’ Katarzyna J instabu aktar tard mill-membri tal-iskwadri għat-tifi tan-nirien.

Il-Pulizija qed tgħid li, wara d-delitt, Poznanski seta bidel id-dehra tiegħu u telaq mill-Polonja. Huma qed iwissu ‘biex ma javviċinah ħadd, taħt kwalunkwe ċirkostanzi’.

Kajetan Poznanski hu mfisser bħala raġel intelliġenti ‘u tal-affari tiegħu’, li jħobb il-poeżiji antiki. Iżda mifhum li hu wkoll kollezzjonista tax-xwabel tas-Samurai u li ilu żmien ffissat f”Hannibal Lecter’ – tant li kiteb poeżija dwar l-imħabba u l-omiċidju ‘li kienet spirata minn dan il-karattru’.