Internazzjonali

Tfitxija intensiva fil-Ġappun għall-‘Anġlu tal-Mewt’

Il-Pulizija Ġappuniża qed tinvestiga l-possibbiltà li qattiel jew qattiela bil-laqam ‘Anġlu tal-Mewt’ huma l-element ewlieni wara l-mewt suspettuż ta’ 48 pazjenti anzjani fi sptar, fl-inħawi ta’ Yokohama.

L-investigazzjoni inizjali kienet dwar il-mewt ta’ żewġ pazjenti fl-Isptar ta’ Oguchi, lejn il-Lbiċ ta’ Tokjo, wara li l-ħaddiema tal-isptar iddeterminaw li ‘sar it-tbagħbis’ mad-drips tal-vittmi.

Id-drips tal-plastik inkwistjoni kienu nstabu ‘imniffda’ waqt li kien żvelat li s-soluzzjoni ta’ ġo fihom kienet tħalltet ma’ sustanza li setgħet kienet xi forma ta’ diżinfettant.

Minn dak iż-żmien, il-pulizija sabu għaxar drip bags oħrajn ‘imniffdin’ u ħabbru li qegħdin jinvestigaw l-imwiet ta’ 46 pazjenti oħra li seħħew f’perjodu ta’ 82 ġurnata u li ‘ilhom għaddejjin mill-bidu ta’ Lulju’.

L-awtoritajiet fl-Isptar ta’ Oguchi qalu lill-istampa li ‘kienu konxji’ dwar iż-żieda fl-imwiet sostanzjali f’din il-faċilità iżda kkalkulaw li dan kien dovut għall-fatt li l-isptar qed jaċċetta dejjem aktar pazjenti anzjani li qegħdin ibatu minn mard terminali.

L-investigazzjoni qed tkun ikkumplikata mill-fatt li l-katavri ta’ ħafna mill-mejtin diġà spiċċaw kremati. Iżda l-pulizija qed tissuspetta dejjem aktar li l-qtil tal-pazjenti twettaq minn xi persuna impjegata tal-isptar ‘u li taf sewwa dwar il-mediċina’.