Internazzjonali

Tgħid li l-Brażil jinsab ‘pass ’il bogħod minn kolp ta’ stat’

 

Il-President tal-Brażil, Dilma Rousseff, wissiet li l-Brażil jinsab ‘pass ’il bogħod minn veru kolp ta’ stat’  meta s-Senaturi fil-kapitali Brasilia qed iħejju għall-vot importanti li jikkonfermaha fil-kariga inkella jwarrabha mill-Presidenza.

Roussef, li hi membru tal-Partit Soċjalista Brażiljan u li hi sospiża mill-Presidenza, kompliet tiddefendi r-rekord tagħha f’sessjoni maratona waqt il-proċess attwali li qed tkun suġġetta għalih fis-Senat. Il-President, li qed tiffaċċja akkużi dwar tbagħbis illegali fil-baġit nazzjonali, tinsisti li spiċċat vittma tal-manuvri politiċi tal-avversarji li kienu tilfu l-elezzjonijiet tal-2014 fil-Brażil.

Dilma Rousseff  sostniet ukoll li ma wettqitx ir-reati ‘li qed tkun akkużata dwarhom inġustament’ u wara l-istqarrija twila quddiem is-Senat, hi wieġbet ukoll għal sensiela ta’ mistoqsijiet mis-senaturi preżenti għas-sessjoni, fi Brasilia.

Il-vot kruċjali dwar il-futur tal-President tal-Brażil għandu jsir din il-ġimgħa.