Lokali

“Tħares kif tħares lejh, il-Prim Ministru sar problema għall-pajjiż” – L-Editorjal ta’ Sunday Times of Malta

Tħares kif tħares lejh, il-Prim Ministru Joseph Muscat sar problema għall-pajjiż. Malta ma jistax ikollha Prim Ministru li ħafna mhux qed jemmnu jew saħansitra għandhom is-suspetti fuqu. Muscat ma tantx fadallu għażliet. Iżda waħda minn dawn l-għażliet li għad fadallu hi li jirrikonoxxi li tilef il-fiduċja ta’ parti kbira mill-elettorat u jsejjaħ elezzjoni bikrija.

Editorjal mill-iktar iebes tal-gazzetta Sunday Times of Malta li jikkummenta dwar ir-reshuffle tal-Ħamis li għadda li fih Konrad Mizzi baqa’ Ministru u Keith Schembri ma ttieħded l-ebda forma ta’ azzjoni kontrih.

L-editorjal ikompli li jekk Muscat ġenwinament jemmen li b’li għamel il-Ħamis saru fl-interess tal-pajjiż u li t-tneħħija tal-portafoll lil Konrad Mizzi hi twiddiba biżżejjed, Muscat qed juri kif inqata’ għal kollox minn mas-sentiment pubbliku u minn dak li kien mistenni minnu meta kellu jieħu azzjoni. Jekk Muscat aġixxa b’mod ġenwin, allura għadu ma rrealizzax il-gravita’ tas-sitwazzjoni u li Prim Ministru jagħmel żball daqshekk oħxon ma jawgura xejn tajjeb għall-pajjiż.

Min-naħa l-oħra, ikompli l-editorjal, Joseph Muscat hu iktar intelliġenti minn hekk u għaldaqstant, l-alternattiva hi li dan hu tentattiv minn Muscat biex jagħmel montatura, li taparsi ħa azzjoni. Li jfisser wieħed minn żewġ affarijiet; li jew ma jridx jew ma jistax ineħħi l-eqreb żewġ kollaboraturi tiegħu fil-Gvern; jew għax huma indispensabbli għall-pjani jew, kif qed tgħid l-Oppożizzjoni, li hu b’xi mod involut fl-iskandlu tal-Panama u qed jinżamm ostaġġ.

L-editorjal ikompli li l-Prim Ministru ħaffer ħofra għalih innifsu u jekk qed jaħseb li se jdawwar l-opinjoni pubblika bir-reshuffle tal-Ħamis jew li jikseb lura l-istatura tiegħu b’turija ta’ forza fid-dimostrazzjoni tal-ewwel ta’ Mejju sejjer żbaljat.

L-iskandlu tal-Panama hu l-aħħar minn sensiela ta’ skandli u dan tal-aħħar mhux sostenibbli, lanqas mal-partitarji tiegħu stess. L-Editorjal itemm li ħadd waqt id-dimostrazzjoni m’hu se jgħajjat li l-Prim Ministru, bħall-Imperatur fil-ġrajja ta’ Hans Cristian Andersen, jinsab bla ħwejjeġ.