Edukazzjoni Lokali

Therese Comodini Cachia żżur l-NSTF Science Expo fl-MCAST

Ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni Therese Comodini Cachia żaret l-NSTF Science Expo 2016 fl-MCAST f’Raħal Ġdid. Hemm, hi kellha l-opportunità tiltaqa’ mal-istudenti u tara mill-qrib il-proġetti xjentifiċi li ħadmu huma stess.

Kienu eluf il-persuni li fl-aħħar jiem żaru l-15-il edizzjoni ta’ din l-attività, li kulma jmur qed tkompli tikber fil-parteċipazzjoni tal-istudenti, il-proġetti xjentifiċi u l-interattività.

Therese Comodini Cachia ltaqgħet ukoll ma’ membri mill-Forzi Armati ta’ Malta, fejn saritilha dimostrazzjoni dwar ix-xjenza relatata mal-inġinerija.

Sa mit-twaqqif tagħha fl-2002, l-NSTF Science Expo saret vettrina għat-talent tal-istudenti Maltin u tinkoraġġihom biex isibu karriera fis-settur tax-xjenza.

Dan billi l-attività tipprovdi premijiet lill-istudenti bħala motivazzjoni ħalli jipparteċipaw fi programmi edukattivi u kompetizzjonijiet oħra organizzati mill-NSTF, fejn ikunu jistgħu jissottomettu ritratti, biċċiet tal-arti jew riċerka fuq ix-xjenza.

L-NSTF Science Expo tintemm għada, filwaqt li l-Ħamis se tiġi organizzata serata fejn l-istudenti se jiġu ppremjati għall-proġetti tagħhom.