Internazzjonali

Theżżiża fil-militar tat-Turkija

Kompla t-theżżiż fl-istituzzjonijiet tat-Turkija wara l-kolp ta’ stat fallut ta’ jiem ilu, bl-ogħla kunsill militari f’dan il-pajjiż jiddeċiedi li jirtira madwar 50 Ġeneral tal-Armata minbarra li ippromwova 99 kurunelli għall-grad ta’ Ġeneral jew Ammirall.

Ingħad li dan il-pass jinkwadra ‘fir-ristrutturizzazzjoni annwali tal-qawwiet Torok’, għalkemm fil-verità, it-theżżiż ftit affettwa lill-ogħla ġerarkija militari.

Il-President tat-Turkija Recep Tayyip Erdogan approva d-deċiżjonijiet ewlenin tal-kunsill militari fejn baqa’ jżomm postu l-Kap Kmandant tal-qawwiet armati Torok, Hulusi Akar, l-istess bħall-kmandanti ewlenin rispettivi għall-qawwiet navali u tal-ajru.

Il-laqgħa annwali tal-Kunsill Militari Superem tmexxiet mill-Prim Ministru Tork Binali Yildirim u segwiet it-tkeċċija ta’ kważi 1,700 membru tal-militar dwar allegat rwol fil-kolp ta’ stat fallut fit-Turkija li seħħ matul il-lejl tal-15 u s-16 ta’ Lulju.

Il-President Erdogan, li ħelisha bi żbrixx waqt il-kolp ta’ stat, kien qal, ftit tal-jiem ilu, li l-militar tat-Turkija, li hu t-tieni l-akbar qawwa fost il-pajjiżi-membri tan-NATO, ‘kien jeħtieġ li jissaffa’ filwaqt li ‘jintroduċi ammont ta’ demm ġdid.’