Edukazzjoni Lokali

Tibda l-iskola… u l-għalliema bla riżorsi

Għalliema qed ikollhom jixtru affarijiet bażiċi minn buthom; l-MUT tilmenta mal-Ministeru tal-Edukazzjoni

Il-Union tal-Għalliema Maltin (MUT) qed tilmenta li l-għalliema mhux qed jingħataw l-aktar riżorsi bażiċi li wieħed jistenna li jkollhom.

Dan hekk kif fil-jiem li għaddew bdiet sena skolastika ġdida, b’eluf ta’ tfal jirritornaw fuq il-bankijiet tal-iskejjel. Imma jirriżulta li m’hemmx flus għal riżorsi bażiċi… bħal ma huma biros ħomor, staplers, markers u kartonċin.

“Huwa inaċettabbli li l-għalliema, il-‘kindergarten assistants’ u l-‘learning support assistants’ qed ikollhom joħorġu l-flus minn buthom biex jixtru riżorsi bażiċi” qalet l-MUT f’kuntatt li għamlet mal-Ministeru tal-Edukazzjoni.

L-għalliema m’humiex obbligati li jixtru r-riżorsi minn buthom, madanakollu ħafna għalliema xorta waħda jħossu l-bżonn li jixtru l-affarijiet meħtieġa, minħabba l-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom lejn it-tfal.

Iżda l-MUT qed tgħid li dan m’għandux ikun. F’messaġġ lill-membri tagħha, l-MUT qalet li għamlet kuntatt mal-Ministeru fejn talbet azzjoni, billi l-flus jintefqu fil-prioritajiet… u mhux fil-purtieri u affarijiet sekondarji.

Tilwima industrijali jekk il-Gvern ma jsolvix il-kwistjoni tal-LSAs

Intant, fl-istes messaġġ lill-membri tagħha, l-MUT qalet li se tkun qed tordna tilwima industrijali jekk ma jkunx hemm żviluppi dwar il-kwistjoni tal-‘learning support assistants (LSAs).

Jirriżulta li hemm numru ta’ LSAs li għamlu korsijiet biex jitilgħu grad fiċ-ċivil. Madanakollu, minkejja li lestew dawn il-korsijiet b’suċċess, b’uħud minnhom saħansitra jgħaddu mill-interviews neċessarji, għadhom ma ġewx appuntati fil-grad il-ġdid tagħhom, bl-MUT ssejjaħ dan bħala “serq fil-wiċċ”.