Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz, it-tabiba Josianne Cutajar, qed taġixxi b’mod diskriminatorju mal-ħaddiema fejn tidħol dixxiplina. Hi tagħlaq għajnejha u tagħti struzzjonijiet biex ma jittieħdux passi kontra ċertu ħaddiema filwaqt li timxi b’id tal-ħadid kontra ħaddiema oħrajn għal nuqqasijiet li jkunu ferm inqas gravi. Din id-diskriminazzjoni tkun ibbażata skont is-simpatiji politiċi tal-impjegati partikolari.
Akkużi serji minn Denis Tanti, li sa ftit ilu, kien ingaġġat biex jassisti u jagħti pariri fil-qasam tad-dixxiplina fir-Residenza San Vinċenz de Paul. Waqt konferenza tal-aħbarijiet Denis Tanti qal li f’ċertu każi, Cutajar kienet tordnalu biex ma jieħux azzjoni u f’oħrajn biex jieħu passi skont il-persuna. Hu ġibed l-attenzjoni tal-istess Kap Eżekuttiv Josianne Cutajar kif ukoll tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Familja u Solidarjeta’ Soċjali Mark Musu’, madanakollu, l-abbużi baqgħu isiru.
Hekk kif dawn l-appelli waqgħu fuq widnejn torox, f’Novembru li għadda hu rrefera dawn il-każi għand il-Whistleblowing Reporting Officer fil-Ministeru konċernat. U ta’ dan Denis Tanti spiċċa jħallas qares għaliex hu spiċċa jidħol għax-xogħol u ma jagħmel xejn għal sitt xhur sħaħ
Hu rrefera l-każ tiegħu lill-Ombudsman tas-Saħħa Charles Messina iżda 10 xhur wara, l-investigazzjoni għadha għaddejja meta l-każi jitlestew f’medja ta’ xahrejn. Denis Tanti qal li hawnhekk jidher ċar li l-awtoritajiet qed jagħmlu l-ħajja tal-Ombudsman diffiċli.
Denis Tanti qal ukoll li anki l-Ministru tal-Familja u s-Solidarjeta’ Soċjali Michael Farrugia kien infurmat b’dawn il-każi.
Meta mistoqsi għaliex ħass li kellu jsejjaħ konferenza tal-aħbarijiet, Denis Tanti, li lbieraħ spiċċa mill-impjieg tiegħu bl-eta, qal li hu aġixxa skont il-kuxjenza tiegħu li dan l-aġir għandu jkun magħruf fil-pubbliku.
Il-PN jinsisti għal investigazzjoni immedjata dwar akkużi ta’ negliżenza fit-trattament tal-anzjani f’SVPR
Sadanittant, fi stqarrija f’isem ix-Shadow Minister Paula Mifsud Bonnici u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar, il-Partit Nazzjonalista qal li dawn l-allegazzjonijiet huma serji u jsejħu għal spjegazzjoni dettaljata min-naħa tal-Ministeru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali.
Il-Partit Nazzjonalista appella wkoll għal investigazzjoni dwar l-allegazzjonijiet kollha li għamel Dennis Tanti, li sal-bieraħ kien għadu jaħdem f’San Vinċenz de Paul. Il-Partit Nazzjonalista faħħar il-kuraġġ ta’ Tanti, li ma ddejjaq xejn jesprimi dak li jħoss, bil-għan li l-affarijiet f’pajjiżna jsiru b’mod aħjar.
//= $special ?>