Ekonomija Lokali

It-tieni l-ogħla rata tal-għoli tal-ħajja fl-Unjoni Ewropea anke għax il-Gvern m’għaddiex il-waqgħa fil-prezz taż-żejt lill-familji u n-negozji – il-PN

Iċ-ċifri maħruġa mill-Eurostat, li juru li Malta qed tbati t-tieni l-ogħla rata tal-għoli tal-ħajja fl-Unjoni Ewropea għal xhur sħaħ, juru li dan hu tort tal-fatt li l-Gvern Malti m’għaddiex il-waqgħa fil-prezz internazzjonali taż-żejt lill-familji u lin-negozji.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, f’isem il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament u Shadow Minister għall-Finanzi Mario de Marco u x-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici, fejn kien innutat li ċ-ċifri tal-Eurostat juru li, filwaqt li l-familji u n-negozji fil-bqija tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea gawdew mill-waqgħa fil-prezzijiet internazzjonali taż-żejt għax il-gvernijiet tagħhom għaddewlhom ir-roħs fiż-żejt, il-Gvern Malti żamm ir-roħs fil-prezz internazzjonali taż-żejt għalih u għadu qed jiċċarġja lill-familji u lin-negozji prezzijet għoljin tal-enerġija.

Iċ-ċifri tal-Eurostat juru li l-familji u n-negozji fil-bqija tal-Unjoni Ewropea fl-aħħar sena gawdew roħs ta’ 8% fil-prezzijiet tal-enerġija. Min-naħa l-oħra, f’Malta, il-familji u n-negozji baqgħu jbatu prezzijiet għoljin tal-enerġija.

Il-Partit Nazzjonalista qal li ċ-ċifri juru wkoll żvilupp ieħor inkwetanti: għoli tal-ħajja ferm aktar mill-medja Ewropea fil-prezzijiet tal-ikel. Dan jolqot b’mod ħażin ħafna lill-familji bi dħul baxx, li l-parti l-kbira tan-nefqa tagħhom jagħmluha proprju fuq l-ikel. Dawn iċ-ċifri jkomplu jikkonfermaw l-għafsa li qed ibatu l-familji fil-morsa ta’ pagi jistaġnaw min-naħa l-waħda u prezzijiet tal-prodotti essenzjali jogħlew min-naħa l-oħra.

Dan ħareġ ukoll fl-istudju mill-aktar serju tal-Caritas, li wera li min kien fil-faqar ftaqar aktar u dawk li kienu fix-xifer waqgħu fil-faqar. Dan għax familja bi dħul baxx, fl-aħħar tliet snin, żdidulha l-ispejjeż bi €800 fis-sena, filwaqt li l-Gvern ta’ Joseph Muscat ta l-agħar żidiet fi 30 sena.