Lokali

Tifel ta’ 3 snin ferut serjament minn tigra; “sitt persuni firdu t-tigra minn mat-tifel”

Aġġornata

Il-kumpless Montekristo jgħid li “t-tifel resaq lejn it-tigra” u li “t-tigra dawwret idha mat-tifel u laqtitu f’wiċċu”

“Kienu xeni tal-biża. Kellhom ikunu sitt persuni li firdu lit-tigra minn mat-tifel”.

Hekk iddeskriva dak li seħħ waranofsinhar persuna li kien fil-kumpless ta’ Montekristo f’Ħal Farruġ meta tigra attakkat tifel ta’ 3 snin li kien fil-kumpanija tan-nannu tiegħu.

Fl-inċident, it-tifel weġġa’ gravi. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-4.30 ta’ waranofsinhar. Mhux ċar jekk it-tifel ingidimx mit-tigra jew inkella girfitux it-tigra b’mod li ferietu serjament.

Xhieda fuq il-post u li tkellmu ma’ Netnews qalu li t-tigra nħarġet mill-gaġġa u f’daqqa waħda seħħ l-inċident. Kellu jkun intervent ta’ grupp ta’ persuni li fired lit-tigra minn mat-tifel. Fil-qrib kien hemm numru kbir ta’ tfal oħra.

Skont il-Pulizija, fil-ħin tal-inċident it-tigra kienet fuq ċinga. Kelliem għall-kumpless ta’ Montekristo qalilna li t-tigra nħarġet mill-gaġġa peress li kienet ma tiflaħx u li kien f’dan il-mument li b’mod ċajtier, it-tigra ħatfet lit-tifel.

Wara, fi stqarrija uffiċjali, il-Kap Eżekkutiv ta’ Montekristo qal li mill-ewwel investigazzjonijiet li saru, jirriżulta li t-tigra kienet qed titmexxa minn żewġ persuni meta t-tifel resaq lejn it-tigra – li kienet bilqiegħda.

Kien f’dan il-mument, żied jgħid il-Kap Eżekuttiv, li t-tigra dawwret idha mat-tifel bil-konsegwenza li d-dwiefer laqtu wiċċ it-tifel.

Persuni li tkellmu ma’ Netnews qalu li mhux l-ewwel darba li nnutaw tigri li jinħarġu mill-gaġeġ biex il-pubbliku jkun jista’ jieħu r-ritratti magħhom.

Fuq il-post issejħet ambulanza u t-tifel, li kien fil-kumpanija ta’ nannuh, ittieħed l-isptar Mater Dei fejn kien ċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi iżda mhux fil-periklu li jitlef ħajtu.

Fil-post marru wkoll il-Pulizija li għadhom għaddejjin bl-investigazzjonijiet tagħhom.