Lokali Qorti

It-tifla tal-vittma kienet qed tittama li terġa’ tara lil ommha

It-tifla ta’ 9 snin ta’ Eleanor Mangion Walker, l-omm li nqatlet fit-2 ta’ Lulju li għadda, kienet qed tittama li ommha ma kinitx mejta u li terġa’ taraha.

Dan ħareġ hekk kif fil-Qorti kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-każ tal-qtil ta’ Eleanor Mangion Walker, li ġisimha kien nstab mejjet f’maħżen f’Ħal Qormi fit-3 ta’ Lulju li għadda.

Bħala parti mill-prosekuzzjoni, l-Ispettur Kylie Borg qalet li t-tifla ta’ Mangion Walker kienet taf x’qed jiġri wara li ommha ma baqgħatx tidher u waqt li missierha kien maħrub.

Andrew Mangion qed iwieġeb mhux ħati għall-akkuża li qatel lil Eleanor Mangion Walker u f’interrogazzjoni mal-Pulizija insista li kienu żewġt irġiel li qatlu lill-eks mara tiegħu quddiem għajnejh f’garaxx fis-Swieqi.

L-Ispettur Borg spjegat fil-Qorti li nhar il-Ħadd 3 ta’ Lulju, jiġifieri dakinhar li nstab il-ġisem mejjet ta’ Eleanor Mangion Walker f’borża f’maħżen f’Ħal Qormi, it-tifla tagħha ta’ 9 snin qattgħat il-ġurnata fuq dgħajsa flimkien ma’ ħabiba tagħha u n-nanniet tagħha. Dan kien ikkonfermat min-nanniet tal-ħabiba tat-tifla, li mal-Pulizija kkonfermaw li ċ-ċkejkna kienet qattgħet il-ġurnata magħhom.

L-għada, nhar it-Tnejn 4 ta’ Lulju, it-tifla kienet intervistata mill-Maġistrat ta’ Inkjesta, fejn matul l-intervista, it-tifla qalet li kienet qed tispera li ommha ma mititx u li kienet qed tittama li taraha dakinhar filgħaxija.

In-nanna tal-ħabiba tat-tifla ta’ Eleanor qalet lill-Pulizija wkoll li Andrew Mangion ta’ spiss kien igerger għall-fatt li Eleanor Mangion Walker kienet tieħu lit-tifla magħha meta kienet tiltaqa’ ma’ irġiel differenti.

andrew-mangion

Waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza ħareġ kif iz-ziju tas-suspettat, Grezzju Micallef, spiċċa msakkar fil-vann wara li rrifjuta li jgħin lil Andrew Mangion biex jitrassporta l-ġisem tal-vittma. Micallef ħarab meta s-suspettat, aktar tard, reġa’ fetaħ il-vann, u baqa’ sejjer iċempel lill-Pulizija biex jinfurmahom li aktarx kien hemm ġisem mejjet fil-maħżen.

Fil-Qorti ħareġ kif il-Pulizija nterrogaw ukoll lil Julian Grech, l-imgħallem ta’ Andrew Mangion u s-sid tal-maħżen fejn instab il-ġisem mejjet tal-vittma. Grech ikkonferma mal-Pulizija li s-suspettat kellu ċ-ċwievet tal-maħżen.
Mal-Pulizija, Grech ta dettalji dwar ir-relazzjoni ta’ bejn Andrew Mangion u Eleanor Mangion Walker.

Fost oħrajn jispikka l-fatt li darba minnhom, Andrew Mangion qal lill-imgħallem tiegħu li kien lest li jsawwat lill-eks mara tiegħu peress li kienet qed tmur ma’ irġiel oħra.

L-Ispettur Borg qalet li waqt l-interrogazzjoni, Grech spjega kif kien jgħid lill-impjegat tiegħu biex ma jsawwatx lill-eks mara tiegħu u li kien ikun aħjar li kieku jieħu parir legali.

Waqt il-kumpilazzjoni ħareġ kif Andrew Mangion mar għand il-Pulizija minn jeddu nhar il-5 ta’ Lulju akkumpanjat mill-imgħallem tiegħu, Julian Grech. Mangion kien qed iġorr basket b’kartiera, ċwievet, passaport, flus u l-liċenzja tas-sewqan ta’ Mangion Walker.

Pulizija andrew mangion qorti

Mangion mill-ewwel ittieħed l-Isptar Mater Dei, iżda kien trasferit għall-isptar Monte Karmeli fejn inżamm hemm sakemm kien interrogat mill-Pulizija għall-ewwel darba fit-12 u t-13 ta’ Lulju.

Skont il-prosekuzzjoni, fl-interrogazzjoni, Andrew Mangion qal li kien beda jissuspetta li l-mara tiegħu kien qed ikollha relazzjonijiet oħra ftit wara li żżewġu.

Lill-Pulizija, Andrew Mangion qalilhom li matul dawn l-aħħar sentejn ma kienx qed jirnexxielu mqar jgħannaq lill-eks mara tiegħu.

Intant, permezz tal-Avukat Edward Gatt, Grezzju Micallef (iz-ziju tal-akkużat) talab lill-Qorti biex ikun skużat milli jixhed peress li diġa qal kollox lill-Pulizija sitt darbiet. Il-Qorti se tagħti d-deċiżjoni tagħha dwar dan nhar il-1 ta’ Settembru.
L-Avukat Joe Giglio qed jidher għall-akkużat filwaqt li l-Avukati Michael Sciriha u Lucio Sciriha qed jidhru parte civile għall-familja tal-vittma. Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke.