Lokali

Tiġi fi tmiemha ż-żjara Rjali f’Malta f’jum b’bosta impenji

F’diskors qasir li għamlet dalgħodu f’Bighi, ir-Reġina Eliżabbetta II tkellmet dwar l-mod kif Malta żviluppat minn pajjiż kolonja u qalet li Malta fl-aħħar snin saret pajjiż b’identità li jipparteċipa fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

Ir-Reġina Eliżabbetta II u l-Prinċep Philip temmew iż-żjara tagħhom f’Malta llum wara nofsinhar wara li temmew l-aħħar impenji tagħhom f’Malta għaż-żjara taċ-CHOGM.

Il-ġurnata tal-lum għar-Reġina bdiet b’laqgħat privati biex aktar tard ħalliet il-Palazz San Anton wara li ħawlet siġra ta’ tifkira. Minn San Anton, il-koppja Rjali marru fil-kumpless ta’ Heritage Malta f’Bighi l-Kalkara dejn kienu milqugħa mill-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici. Tul iż-żjara f’Heritage Malta, ir-Reġina ngħatat informazzjoni dwar il-proċessi ta’ restawr li kienu qed isiru fuq diversi oġġetti ta’ valur storiku fosthom pitturi, skulturi, drapp u karta.

L-esperti u r-restawraturi ta’ Heritage Malta spjegaw lir-Reġina s-sistemi ta’ restawr u l-valur kbir li huma jagħtu lill-orġinalità tal-oġġetti. Tul iż-żjara tagħha f’Bighi, ir-Reġina ngħatat ukoll informazzjoni dwar il-proġett Esplora tal-Kunsill Malti għar-Riċerka u l-Innovazzjoni.

Fid-diskors li għamlet wara li żaret il-ġonna tal-kumpless tal-Kunsill Malti għar-Riċerka u l-Innovazzjoni r-Reġina qalet li għaliha hu dejjem speċjali li żżur Malta għaliex tiftakar fiż-zżminijiet taż-żgħożija tagħha f’Malta meta kienet toqgħod fi Gwardamangia.

Ir-Reġina qalet li Malta llum żviluppat f’pajjiż b’saħħtu li jipparteċipa fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-pajjiż għamel progress fl-ottimiżmu tiegħu b’poplu li għandu karattru uniku u identità nazzjonali partikolari, sostniet ir-Reġina Eliżabbetta II. Filwaqt li semmiet l-għoti tal-George Cross, ir-Reġina qalet li din kien l-uniku darba li dan l-unur ingħata lil pajjiż flok lil persuna.

Waqt it-tluq tal-koppja Rjali minn Bighi kien sparat salut ta’ 21 tir mill-Barrakka t’Isfel. Minn Heritage Malta r-Reġina u l-Prinċep rikbu luzzu tradizzjonali Malti lejn il-Belt, fejn niżlu fiż-żona tad-dwana. Fil-Port il-Kbir il-koppja Rjali ngħataw ukoll tislima mill-baħrin tal-HMS Bulwork .

Fid-dwana r-Reġina u l-Prinċep intlaqgħu mill-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis li introduċa lir-Reġina lill-uffiċjali tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu u s-sindku tal-Belt Alexei Dingli. Fil-bini tad-dwana, ir-Reġina kixfet lapida li tfakkar iż-żjara ta’ missiera r-Re George VI, fl-1943.

Mal-wasla tagħha fil-korsa tal-Marsa, ir-Reġina intlaqgħet mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca u mill-uffiċjali u t-tmexxija tal-korsa taż-żwiemel tal-Marsa. F’din l-okkażjoni r-Reġina ppreżentat ukoll dekorazzjonijiet lill-players tal-polo li lagħbu logħba quddiem il-koppja Rjali waqt li r-Reġina ppreżentat ukoll trofej lir-rebbieħa ta’ tiġrijiet taż-ż-żwiemel li saru fil-Marsa lbieraħ.

Mill-Marsa, il-koppja Rjali marru l-ajruport internazzjonali ta’ Malta fejn saret iċ-ċerimonja uffiċjali tat-tluq tagħhom minn Malta. F’din iċ-ċerimonja, li għaliha kien hemm preżenti wkoll il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, ipparteċipat il-banda tal-Forzi Armati Maltin li tat is-salut lir-Reġina u lill-President Coleiro Preca permezz tad-daqq tal-innu Ingliż u Malti. Wara, ir-Reġina spezzjonat gwardja tal-unur ta’ stakkament tal-Forzi Armati Maltin.

Qabel telgħu l-ajruplan lejn londra, ir-Reġina Eliżabbetta II u l-Prinċep Philip ingħataw tislima mill-President Marie Lousie Coleiro Preca u s-Sur Preca.

Dalgħodu wkoll intemmet iż-żjara f’Malta tal-Prinċep Charles u d-Dukessa Camilla li fl-aħħar ġurnata tagħhom f’Malta żaru l-Imdina fejn daħlu fil-Katidral u ltaqgħu mal-Arċisqof Charles Scicluna.

Hekk kif ħarġu mill-Katidral, akkumpanjati mis-Sindku tal-Imdina Peter Sant Manduca, il-Prinċep Charles u d-Dukessa Camilla imxew fit-toroq tal-Imdina fejn kienu milqugħa b’ċapċip u tixjir ta’ bnadar Brittaniċi mill-pubbliku Malti u turisti li kienu fl-Imdina.