Internazzjonali

Tikber il-possibbiltà ta’ ħajja fuq il-pjaneta Mars

Xjentisti min-NASA ħabbru li kienu kważi ċerti li fuq il-pjaneta Mars kien hemm l-ilma u b’hekk kibret il-possibbiltà li fuq din il-pjaneta hemm il-ħajja. Ħajja li aktarx hi fil-forma ta’ mikrobi.
Dan wara li riċerka tal-pjaneta indika li fuq il-pjaneta linji skuri misterjużi li kienu jidhru fir-ritratti huma kważi ċertament ilma ġiri. Dan permezz ta’ analiżi li saret mill-Mars Reconnaissance Orbiter.
Uffiċjali tan-NASA qalu li l-ilma mhux fil-forma ta’ xmajjar imma qtar imdaqqas li jiffurmaw fl-istaġuni u li aktarx huma melħin. Fenomenu li jseħħ f’kanali ta’ ftit ċentimetri.
Dawn il-linji skuri, li bl-Ingliż kienu ngħataw l-isem ta’ ‘Recurring Slope Lineae’, kienu ntlemħu l-ewwel darba fis-snin sebgħin imma eżattament x’kien qed jikkawżahom ma kienx magħruf s’issa.
Dawn il-linji, xi wħud minnhom twal ħames metri, kienu jfeġġu fis-sajf fuq Mars u imbagħad jgħibu fix-xitwa.
Din is-sejba mhux biss saħħet il-possibbiltà ta’ ħajja fuq Mars imma wkoll kabbret il-possibbiltà ta’ għajxien għall-astronawti li qed ikunu ppjanati li jintbagħtu lejn din il-pjaneta.