Lokali Saħħa

Tingħalaq ward f’Mater Dei wara firxa ta’ virus li jittieħed; jittieħdu anke qraba

Ward f’Mater Dei kellha tingħalaq, filwaqt li żewġ pazjenti kellhom jitpoġġew f’iżolazzjoni wara li nfirex virus li jittieħed.

Il-ward S5 ingħalqet nhar il-Ġimgħa li għadda u ma baqgħux jiddaħħlu aktar pazjenti fiha wara li żewġ pazjenti li kienu rikoverati hemmek irriżulta li kellhom ir-Rotavirus, virus li jwassal għall-Gastroenteritis.

F’risposti għal mistoqsijiet ta’ NETnews.com.mt, kelliema għall-Ministeru tas-Saħħa kkonfermat il-każ u qalet li ttieħdu numru ta’ miżuri biex tkun ikkontrollata l-firxa. Fost oħrajn, ġew allokati infermieri biex jattendu biss għall-bżonnijiet tal-pazjenti milquta filwaqt li n-numru ta’ viżitaturi tniżżel għal persuna waħda għal kull pazjent. Dan apparti li s-sala għalissa mhux qed taċċetta pazjenti ġodda.

Madanakollu jirriżulta li kien hemm numru sostanzjali ta’ qraba li ttieħdu mill-virus qabel dan ġie nnutat mill-‘Infection Control Team’ ta’ Mater Dei. Qraba ta’ wieħed mill-pazjenti li tkellmu ma’ NETnews.com.mt ikkonfermaw li ttieħdu mill-virus wara li żaru lill-qarib tagħhom.