Internazzjonali

Tislima lill-attur Gene Wilder, il-komiku-ġenju ta’ Hollywood

 

Id-Dinja ta’ Hollywood – fosthom diretturi, produtturi, atturi u personalitajiet distinti oħra fis-settur – qegħdin jagħtu l-aħħar tislima lill-attur Amerikan veteran, Gene Wilder, li miet fl-età ta’ 83 sena fi Stamford, f’Connecticut.

Kelliema għal familtu qalu li l-mewta ta’ Wilder – li seħħet nhar il-Ħadd u li kienet irrappurtata issa —  kienet dovuta għal kumplikazzjonijiet tal-marda Alzheimer’s.

Gene Wilder kiseb reputazzjoni madwar id-dinja għall-kapaċitajiet komiċi tiegħu u kien il-protagonista f’numru ta’ films klassiċi bħal Willy Wonka and the Chocolate Factory; The Producers; Blazing Saddles; Silver Streak; Young Frankenstein u The Woman in Red. Hu kien involut ukoll f’diversi proġetti ċinematografiċi mad-direttur Mel Brooks u l-attur komiku Richard Pryor.

L-attur iddebutta fuq il-palk, fi Broadway, qabel beda jinvolvi ruħu aktar fiċ-ċinema, u sakemm, fl-1968, interpreta l-karattru ta’ accountant li jbati bl-ansjetà fil-film komiku The Producers – liema rwol qabbdu fit-triq tal-fama.

Fl-1971, Wilder qaxxar il-parti ta’ Willy Wonka – wieħed mill-aktar karattri memorabbli ta’ kull żmien fil-qasam taċ-ċinema – fil-film Willy Wonka and the Chocolate Factory li kiseb suċċess enormi madwar id-dinja.

Rwoli memorabbli oħrajn għal Wilder waslu permezz ta’ Blazing Saddles, film tal-1974 li fih jinterpreta l-parti tal-Waco Kid, u l-produzzjoni ta’ Woody Allen bl-isem Everything You Wanted to Know About Sex But Were Afraid to Ask (1972) fejn kellu l-karattru ta’ ċertu Doctor Ross.

Intant, l-atturi u diretturi ċelebri ta’ kull ġeneru qegħdin ifaħħru t-talenti straordinarji ta’ Gene Wilder li jibqa’ mfakkar bħala ‘l-komiku-ġenju ta’ Hollywood’.

Ma naqsux il-messaġġi fuq il-midja soċjali, bid-direttur, Mel Brooks, jirreferi għal Gene Wilder bħala ‘ħabib tal-qalb antik u wieħed mit-talenti tassew straordinarji ta’ żmenijietna li kien jagħti kwalità rari lil kull produzzjoni assoċjata miegħu’.

Jim Carrey, komiku ieħor magħruf li jgawdi popolarità madwar id-dinja, qal li Wilder kien wieħed mill-aktar komiċi naturali li qatt ra f’ħajtu filwaqt li faħħar ‘l-enerġija inkredibbli’ li kellu.

L-attur Russell Crowe kiteb biex jesprimi t-tifkiriet tiegħu meta, bħala tifel tal-iskola, ‘kien ra l-film Blazing Saddles xi seba’ darbiet’ waqt li rrifera għal Wilder bħala ‘ġenju’.

L-attur komiku, awtur u preżentatur Britanniku, Stephen Fry, ukoll esprima niket għat-telfa ta’ Wilder fejn ‘irringrazzjah għas-sigħat allegri kollha li hu ipprovda lid-dinja’.