Internazzjonali

Tissewwa kaxxa sewda tal-ajruplan ‘EgyptAir’

Investigaturi Eġizzjani qalu li ssewwiet waħda mill-kaxxi s-suwed – il-flight data recorder — tal-ajruplan EgyptAir li ġġarraf fil-Mediterran, ix-xahar li għadda.

Il-proċess tat-tiswija sar fi Franza u kelliema qalu li x-xogħol kellu jkompli ‘fi spazju ta’ sigħat’ fuq il-voice recorder tal-kabina tal-ajruplan. Dan bl-iskop li tinkiseb aktar informazzjoni dwar it-tiġrif tal-ajruplan.

L-Airbus A320 tal-EgyptAir kien iġġarraf fil-Mediterran fid-19 ta’ Mejju fejn mietu s-66 persuna abbord. L-ajruplan kien qed itir minn Pariġi lejn il-Kajr u issa mistenni li l-kaxxa s-sewda, li kienet elevata mill-baħar, tgħin lill-esperti janalizzaw aħjar id-data li tista’ tispjega l-kawża tat-traġedja tat-Titjira MS804.

Il-voice u flight data recorders, jew kaxxi suwed, kienu twasslu f’Pariġi mill-Kajr biex jitneħħewlhom id-depożiti tal-melħ li akkumulawlhom, bħala parti minn proċess delikat. Il-ħsieb hu li dawn ir-recorders aktar ‘il quddiem jintbagħtu lura l-Kajr biex id-data, imbagħad, tkun tista’ tgħaddi mill-analiżi.

Il-Prosekutur ta’ Pariġi fetaħ investigazzjoni dwar qtil involontarju b’konnessjoni mat-tiġrif tat-Titjira MS804. Kelliema qalu li l-investigazzjoni għandha titratta ‘sitwazzjoni ta’ inċident’ għaliex, sallum, ma jeżistu l-ebda provi li jorbtu l-każ mat-terroriżmu.

L-investigaturi wkoll jidhru qed jaħsbu li l-Airbus tal-EgyptAir ‘ma twaqqax bi skop’.

Il-kaxxi s-suwed kienu rkuprati mill-fdalijiet tal-ajruplan li nstabu f’qigħ il-baħar, xi 290 kilometru ‘il bogħod mill-kosta tal-Eġittu, lejn it-Tramuntana.

L-informazzjoni mir-radar, sadanittant, tindika li l-ajruplan, fl-aħħar minuti tat-titjira, kien dar lejn diversi direzzjonijiet qabel niżel f’daqqa u għeb minn fuq l-iskrins tal-kontrolluri.