Lokali

Titfakkar il-ġimgħa għall-kura tal-pazjenti morda bil-kanċer

Bejn illum u għada d-dinja kollha se tkun qed titfakkar il-World Hospice and Palliative Care Week. L-għan ta’ dawn il-jumejn huwa li jiżdied l-għarfien dwar il-kura paljattiva li tingħata lill-persuni morda bil-kanċer, motor neuron disease u mard serju ieħor. F’Malta dawn is-servizzi jiġu offruti mill-Hospice Malta.

Il-Hospice Malta tara ‘l fuq minn elf pazjent fis-sena u l-familjari tagħhom. L-għan tal-kura palljattiva hu li jtaffi l-uġigħ u sintomi oħra tal-marda u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti, filwaqt li jingħata appoġġ lill-familjari tal-pazjenti li wkoll ikunu għaddejja minn mumenti diffiċli.
Dawn is-servizzi jingħataw bla ħlas.

Biex tkun tista’ tkompli tagħti dawn is-servizzi, membri tal-Hospice Malta se jkunu f’diversi lokaltijiet madwar Malta sabiex jiġbru d-donazzjonijiet u jqassmu tifkira tal-ġurnata.

Wieħed jista’ jibgħat donazzjoni wkoll fuq in-numri tat-telefon 5061 8180 għal donazzjoni ta’€4.66, 5061 8997 għal donazzjoni ta’ €6.99 u 5061 9290 għal donazzjoni ta’ €11.65.