Titwaqqaf pjattaforma għall-NGOs dwar is-Saħħa Mentali

Illum il-Jum Dinji dwar is-Saħħa Mentali

Erba’ għaqdiet non-governattivi ingħaqdu flimkien biex jiġġieldu l-istigma dwar is-saħħa mentali u joffru aktar għajnuna f’dan il-qasam – bit-twaqqif tal-Pjattaforma dwar is-Saħħa Mentali.

L-Assoċjazzjoni dwar is-Saħħa Mentali, il-Fondazzjoni Richmond, Friends of Attard u l-Fondazzjoni St. Jeanne Antide kienu fiċ-ċentru ta’ attivita’ f’Tigne Point hekk kif is-Sibt ħabat il-Jum Dinji dwar is-Saħħa Mentali.

Ġurnata li matulha pparteċipaw aktar għaqdiet, kollha bl-għan li jippromwovu l-importanza li s-saħħa mentali tingħata importanza.

L-attivita’ f’Tigne kienet indirizzata mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca. Fil-preżenza tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali John Cachia, hi esprimiet sodisfazzjoni għall-fatt li aktar għaqdiet urew l-interess li jiffurmaw parti mill-Pjattaforma ġdida dwar is-Saħħa Mentali – li twaqqfet taħt il-patroċinju tal-President.

Anke’ l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista attenda l-attivitajiet f’Tigne. Hu kien akkumpanjat mix-Shadow Ministers Claudette Buttigieg u Joe Cassar.