Ekonomija Lokali

Tkabbir sostenibbli u dinjità għal kulħadd

It-tkabbir sostenibbli b’dinjità għal kulħadd huma l-prinċipji li fuqu l-Partit Nazzjonalista bbaża l-proposti għal qabel il-Baġit 2016, li hu wkoll dokument b’analiżi tas-sitwazzjoni ekonomika. Id-dokument kien ippreżentat f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament u Shadow Minister għall-Finanzi Mario de Marco, mix-Shadow Minister għall-Ekonomija Claudio Grech u mill-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius.

Ir-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista hi maqsuma f’żewġ taqsimiet, bl-ewwel sessjoni tiffoka fuq l-ekonomija u bit-tieni tiffoka fuq l-enerġija, it-turiżmu, l-ekonomija l-ħadra, in-negozji żgħar u medji, il-kostruzzjoni, is-settur finanzarju u l-imprendituri. Setturi oħra li jiffoka fuqhom id-dokument tal-Partit Nazzjonalista huma dawk li għandhom dħul baxx, il-pensjonijiet, Għawdex, it-traffiku, is-saħħa u t-tmexxija t-tajba tal-pajjiż.

Il-Viċi Kap Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni ilha tinsisti għal diskussjoni miftuħa dwar l-ekonomija u l-finanzi pubbliċi, iżda l-Gvern hu aktar iffukat fuq is-setturi li sejrin tajjeb milli fuq is-setturi li jeħtieġu appoġġ. Kif inhu d-dmir tal-Oppożizzjoni, qed tingħata prijorità lil dawn is-setturi, tant li tinsab imħassba dwar is-6,000 persuna li l-Gvern daħħal jaħdmu fis-settur pubbliku, minkejja li l-livell tas-servizz mogħti mill-aġenziji tal-Gvern kompla sejjer lura.

Minbarra t-tħassib tal-Oppożizzjoni dwar il-mod kif id-dejn nazzjonali tela’ b’500 miljun ewro mingħajr proġett kapitali wieħed, id-dokument jesprimi t-tħassib ukoll dwar in-nuqqs ta’ trasparenza u l-mod kif qed jiggverna l-Gvern. Dan quddiem il-fatt li numru ta’ ftehim importanti li għamel il-Gvern baqgħu ma ġewx ippubblikati.

Mario de Marco fisser li d-dokument tal-Oppożizzjoni jinkludi wkoll numru ta’ proposti, fosthom proposta għal tnaqqis fit-tariffi tal-enerġija u fil-prezzijiet tal-petrol u d-diesel, kif ukoll proposta dwar il-persuni f’riskju ta’ faqar, titjib fil-kompetittività tan-negozji żgħar u medji, titjib tal-protezzjoni ambjentali u t-tnaqqis ta’ problemi tat-traffiku.

Sostna li qatt ma kellna Oppożizzjoni li ppreżentat lista twila ta’ proposti f’nofs il-leġislazzjoni u dan qed isir bl-iskop li l-pajjiż ikun mgħejjun b’rispett lejn l-ambjent u l-persuni vulnerabbli fis-soċjetà. Il-proposti qed jiġu ppreżentati fl-isfond tal-prinċipji tal-PN li jpoġġu l-bniedem fiċ-ċentru u lill-ekonomija bħala għodda biex isservi lill-bniedem.

Min-naħa tiegħu, ix-Shadow Minister għall-Ekonomija Claudio Grech qal li dan id-dokument juri kemm l-Oppożizzjoni m’hix qed taqdi biss id-doveri tagħha bħala Oppożizzjoni serja u qawwija, iżda qed tkun ukoll gvern alternattiv bi proposti konkreti li l-Gvern għandu jikkunsidrahom. Claudio Grech qal li għall-Partit Nazzjonalista, l-ekonomija mhijiex biss numri, iżda dwar il-persuni u l-kwalità tal-ħajja. Il-PN, sostna Claudio Grech, irid joħloq ekonomija għall-bniedem, li taqdi l-ħtiġijiet tal-bniedem u mhux ekonomija għall-ftit.