Internazzjonali

Tkompli s-sigurta’ fi Brussell – suldati armati jgħassu wħud mil-lukandi

Matthew Mamo minn Brussell

Minkejja li fl-aħħar jiem is-servizz tal-metro beda jopera mill-ġdid u l-iskejjel reġgħu fetħu, fi Brussell is-sigurta’ xorta waħda għadha f’livelli għolja. Filfatt wieħed jista’ jinnota numru ta’ suldati armati jgħassu numru ta’ binjiet u istituzzjonijiet, fost l-oħrajn il-Parlament Ewropew, kif ukoll suldati u uffiċjali tas-sigurta’ jduru t-toroq ta’ din il-belt.

Dawn il-miżuri ttieħdu fid-dawl tal-attakki terroristiċi f’Pariġi x-xahar li għadda, li ħallew mal-130 persuna innoċenti mejta u madwar 368 oħra midruba.

Xi kumpaniji, fosthom il-kumpanija tal-lukandi Radisson, saħansitra talbu għal protezzjoni u wieħed jista’ jinnota suldati armati stazzjonati mal-entraturi ta’ din il-lukanda fi Brussell (ritratt). Dan fid-dawl li din il-kumpanija sfat fil-mira ta’ attakk ieħor, din id-darba fil-Mali b’kooperazzjoni bejn żewġ gruppi tal-al Qaeda. Hawn inqatlu 22 persona minn fost 170 ostaġġ.

20151201_081326

Jirriżulta li l-kummerċ fi Brussell, fis-sitt’ijiem li matulhom din il-belt kienet taħt sigurta’ massima, għamel telf ta’ madwar €51.7 miljun kuljum waqt li l-uffiċjali tas-sigurta’ kienu qed jippruvaw isibu lit-terroristi suspettati. Din il-figura tinkludi €22 miljun li ntilfu mir-ristoranti biss.

Dan hekk kif bil-miżuri tas-sigurta’ imposti mill-Gvern Belġjan, il-bars kienu ordnati jagħlqu kmieni, waqt li r-ristoranti, mużewijiet, ħwienet, skejjel u s-sistema’ tal-metro ingħalqu totalment.

Barra minn hekk, il-union li tirrappreżenta lill-Pulizija fil-Belġju qed titlob lill-Gvern biex tingħata €100 miljun oħra biex l-uffiċjali jwettqu l-ħidma tagħhom b’mod effettiv madwar il-pajjiż hekk kif bħalissa għaddejja tfittxija għal Salah Abdeslam, wieħed mit-terroristi li għadu maħrub. Jidher li dan jista’ jkun li saħansitra diġa’ wasal is-Sirja.