Internazzjonali

Tkompli t-tensjoni fil-Korea

Il-Korea ta’ Fuq komunista impenjat ruħha biex taqta’ żewġ hotlines ta’ komunikazzjoni ewlenin mal-Korea t’Isfel. Dan fost spinta ta’ tensjoni fil-peniżola komuni wara l-aħħar provi nukleari u oħrajn għall-iżvilupp tar-rokits mir-reġim ta’ Pyongyang.
Il-pass mill-Korea ta’ Fuq isegwi d-deċiżjoni tal-Gvern ta’ Seoul biex jissospendi l-operat tiegħu fil-kumpless industrijali ta’ Kaesong, lejn it-Tramuntana, li jitmexxa mill-Istati Korej rivali. Il-kumpless hu wieħed mill-aħħar punti ta’ koperazzjoni bejn il-Korej minbarra li jservi bħala sors ta’ introjtu importanti għall-Korea ta’ Fuq.
Ir-reġim fi Pyongyang fisser ix-shutdown min-naħa tal-Korea t’Isfel bħala ‘dikjarazzjoni ta’ gwerra’ u issa qed iqis lil Kaesong bħala ‘zona militari’.
Iżda l-Korea t’Isfel qalet li s-sospensjoni tal-operat ta’ Kaesong hu intiż biex jinqatgħu l-finanzi li qed juża l-ġar komunista għall-iżvilupp nukleari u missilistiku. Il-Korea ta’ Fuq, f’Jannar, wettqet ir-raba’ prova nukleari waqt li, jiem ilu, tellgħet satellita fl-ispazju fost il-kundanna tal-komunità internazzjonali.