Lokali

Tliet għasafar protetti fil-mira tal-kaċċa illegali f’ġurnata waħda – Birdlife Malta

BirdLife Malta żżid il-pressjoni hekk kif mill-bidu tal-istaġun s’issa hu magħruf li tniżżlu total ta’ 23 tajra protetta

Fl-aħħar sigħat BirdLife Malta kienet imsejħa biex tassisti f’aktar każi ta’ kaċċa illegali fuq tajr protett li seħħew waqt l-istaġun tal-kaċċa tal-ħarifa.

F’Għawdex, BirdLife Malta ġiet imsejħa biex tirkupra Russett Griż (Grey Heron) b’ġewnaħ miksur. L-għasfur deher nieżel fuq it-tarf ta’ rdum fid-Dwejra lbieraħ waranofsinhar.

Ilbieraħ ukoll, f’Delimara uffiċjali ta’ BirdLife Malta u voluntieri li qed jieħdu sehem fir-Raptor Camp osservaw każ ieħor ta’ kaċċa illegali fuq għasfur protett ieħor. Wara li semgħu tir qed jiġi sparat lejn l-art ftit metri ’l bogħod minnhom, iffilmjaw kaċċatur jiġbor Kuda (Northern Wheatear) li kienet għadha kif inqatlet u jaħbiha. Fil-post issejħu l-pulizija li ġew murija l-post fejn kien jinsab l-għasfur li sabuh u rkuprawh. Il-filmati ġew mgħoddija f’idejn il-pulizija u wieħed issa jistenna l-eżitu tal-investigazzjoni.

2birdlife

Bil-filmati li nħarġu lbieraħ ukoll mill-Kumitat Kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS) tal-qtil ta’ Kuċċarda (Honey Buzzard) oħra fl-inħawi tal-Fawwara, dan ifisser li ttotal ta’ għasafar protetti li sfaw fil-mira tal-kaċċa illegali lbieraħ, f’ġurnata waħda, kien ta’ tlieta u t-total jitla’ għal 23 mill-bidu tal-istaġun tal-kaċċa filħarifa ’l hawn. B’hekk dan issa hu wieħed mill-agħar staġuni tal-kaċċa tal-ħarifa fis-snin riċenti. Hu tal-mistħija li l-Gvern qed jibqa’ jadotta attitudni ta’ kodard u mhux isib il-kuraġġ li jieħu azzjoni.

Filwaqt li BirdLife Malta tilqa’ b’sodisfazzjon l-appoġġ li ddikjara lbieraħ l-Ambaxxatur tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Oċeani Lewis Pugh u l-aħħar stqarrija tal-CABS li qalet b’mod ċar li morna lura għas-snin meta l-infurzar ma kien qed iħalli l-ebda effett, nirrepetu s-sejħa tagħna lill-Gvern biex jissospendi l-istaġun tal-kaċċa b’seħħ immedjat.