Lokali

Tliet ġimgħat wara: ippublikat ir-rapport mediku ta’ kelba li traqqdet l-għada li nstabet

Tliet ġimgħat wara li kelba li nstabet fis-Siġġiewi traqqdet mingħajr avviż lill-persuna li sabitha, issa l-istess persuna ngħatalha aċċess għar-rapport tal-veterinarju.

Dan wara pressjoni li għamlet hi stess u dan is-sit, bis-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes jitkellem biss fuq Facebook wara li dan il-każ ġie rrapurtat minn Net News.

Kelb

Madankollu, s’issa għad mhux imwieġba l-mistoqsijiet għaliex il-persuna li sabet il-kelba ma kinitx avżata li din se titraqqad, minkejja li talbet speċifikamenty biex dan isir.

Ma tweġbux lanqas mistoqsijiet għaliex ma tteħditx opinjoni ta’ veterinarju ieħor meta l-persuna li sabet lill-kelba kienet lesta tħallas l-ispejjeż mediċi kollha, u għaliex din ma ġietx ikkurata meta l-persuna li sabitha kienet lesta tadottahha.

Fuq l-istess post tal-Onorevoli Galdes fuq Facebook, staqsejnieh ukoll għaliex irreaġixxa issa, tleit ġimgħat wara, minkejja li mpjegati tas-Segretarjat tiegħu wegħdu li se tingħata risposta dwar dan il-każ.

Iktar kmieni: B’post fuq Facebook, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mid-Drittijiet tal-Annimali, Roderick Galdes, ħabbar li l-persuna li sabet kelb  abbandunat fis-Siġġiewi iżda traqqad l-għada li ġabruh tal-Animal Welfare, se tingħata aċċess għar-rapport mediku.

Filwaqt li attakka lil dan is-sit, u saħansitra akkużana li ppolitiċizzajna l-każ, Roderick Galdes naqas milli jirrispondi għaliex l-Animal Welfare injoraw it-talbiet tal-persuna li sabet il-kelb biex tkun infurmata qabel tittieħed kull deċiżjoni. Kienet lesta wkoll terfa’ l-ispejjeż mediċi tal-kelb, iżda ġiet injorata wkoll.

Roderick Galdes tefa’ r-responsabbilta’ fuq il-veterinarju, u qal li l-Animal Welfare f’dan il-każ għamlu xogħolhom.

Iżda r-reazzjoni tiegħu wasslet biss għal iktar kritika, b’persuni li fuq Facebook qalulu li huma mhux interessati mill-politika fejn jidħlu d-drittijiet tal-annimali, oħrajn giddbuh u semmewlu każi oħra ta’ klieb u qtates li traqqdu għal affarijiet sempliċi u saħansitra persuni li talbuh biex jerfa’ r-responsabbilta’ tan-nuqqasijiet f’dan is-settur.

Iktar kmieni: Akkużi ġodda fil-konfront tal-Animal Welfare, din id-darba minn mara li fuq Facebook ilmentat li sabet kelb tar-razza Springer Spaniel fis-Siġġiewi, għaddewh lill-Animal Welfare iżda sal-għada kien diġa’ traqqad mingħajr avviż.

Il-każ seħħ madwar tliet ġimgħat ilu, bil-mara tiddeċiedi li toħroġ fil-pubbliku l-każ tagħha wara li nfurmat bil-każ lis-Segretarjat Parlamentari ta’ Roderick Galdes u lid-Direttur tal-Animal Welfare, responsabbli mid-drittijiet tal-annimali, ġiet imwegħda nvestigazzjoni, iżda tliet ġimgħat wara baqgħet bla risposta.

“Il-kelba kellha kullar aħmar madwar għonqha. Dehret magħluba, bi problemi fil-ġilda tagħha u nfezzjoni f’għajnejha,” tispjega l-mara, li qalet li madankollu ġabritha u ħaditha magħha d-dar fejn tagħtha l-ikel u l-ilma li tant kellha bonn.

Tirrakkonta li minkejja l-problemi ta’ saħħa, il-kelba xorta waħda kienet attiva iżda kellha bonn il-kura. Kien għalhekk li ċemplet lill-Animal Welfare, li qalulha li kienu se jiġu għaliha l-għada filgħodu.

“Lill-kelba mill-ewwel sirna nħobbuha, u konna qed nikkunsidraw serjament li nrabbuha. Għamilniha ċara lill-uffiċjali tal-Animal Welfare li konna se nħallsu l-ispejje mediċi, u li ridna nżommuha,” tkompli l-mara f’post fuq Facebook.

Il-kelba ttieħdet mill-uffiċjali, bil-mara tgħid li avżathom li riedet tkun infurmata qabel tittieħed kwalunkwe deċiżjoni. “Assigurawni li l-klieb jinqatlu biss jekk ikunu mweġġa’ serjament, u peress li ma kelliex ċippa, riedu jistennew sebat ijiem qabel jrodduha lura, bl-għan li forsi sidha jagħmel kuntatt.”

Iżda minkejja dan il-mara tgħid li l-għada filgħodu, ftit sigħat biss wara, għamlet kuntatt mal-Animal Welfare li nfurmawha li kemm il-kelba li sabet hi, kif ukoll kelb tal-kaċċa li fi kliemha kien b’saħħtu, kienu diġa’ nqatlu.

“Konna diżappuntati hekk kif smajna dan. L-Animal Welfare ma ndenjawx ruħhom jinfurmawna u saħansitra traqqdu inqas minn 24 siegħa wara li nstabu,” ittemm tgħid b’dispjaċir din il-mara, filwaqt li appellat biex tittieħed azzjoni.

Annimali