Lokali

Tliet mistoqsijiet li Muscat għandu jwieġeb dwar l-Iskandlu Gaffarena

Minkejja kull attentat mill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jitfa’ l-Iskandlu Gaffarena u Kastilja taħt it-tapit, it-tliet mistoqsijiet li qed jagħmel kulħadd dwar dan l-Iskandlu għadhom ma ġewx imwieġba. Għalhekk, f’ġieħ it-trasparenza, Muscat għandu jagħti t-tweġiba għalihom b’mod immedjat.

F’konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister għall-Intern Beppe Fenech Adami sostna l-mistoqsijiet li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ilu jagħmel għal ġimgħatejn dwar dan il-każ:

1. Joseph Muscat kien jaf bid-deal skandaluż ta’ Gaffarena?
2. Il-Pulizija qed tinvestiga lil Kastilja?
3. Lil min ħallas Gaffarena biex ħa €3.5 miljun fi flus kontanti u artijiet pubbliċi mingħand il-Gvern?

Filwaqt li qal li dwar dan il-każ, Joseph Muscat s’issa għażel li jistaħba u ma jweġibx, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li bl-Iskandlu Gaffarena, waqgħet il-maskra ta’ Muscat, li qed imexxi l-aktar Gvern korrott fl-istorja politika Maltija. Beppe Fenech Adami qal li dan joħroġ minn diversi punti mir-Rapport tal-Awditur Ġenerali, li saħansitra jirreferi għall-politiku f’Kastilja u jgħid li teżisti “konfoffa” (collusion) ma’ Gaffarena.

Min-naħa tagħha, il-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali Amanda Abela qalet li r-Rapport tal-Awditur Ġenerali hu kundanna għall-Gvern ta’ Muscat minn istituzzjoni indipendenti. Fakkret li fil-jiem li għaddew, il-Gvern ta’ Muscat kellu t-tieni kundanna minn istituzzjoni indipendenti, din id-darba bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, li spjegat kif il-Gvern kiser il-Kostituzzjoni ta’ Malta fil-ħatra tal-Avukat Ingrid Zammit Young bħala Maġistrat.

Amanda Abela qalet li hu ċar li l-Gvern ta’ Joseph Muscat jinsab fi kriżi ta’ korruzzjoni, b’mafja minn Kastilja, fejn Gaffarena għandu kontroll ta’ Kastilja, tal-Lands u tal-Pulizija.