Lokali

Tliet proposti biex is-settur tal-kostruzzjoni jtejjeb il-kwalità tal-ħajja

Is-settur tal-kostruzzjoni mhux biss hu importanti għall-ekonomija Maltija iżda għandu wkoll jagħti kontribut biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt laqgħa mal-Malta Developers’ Association. Simon Busuttil qal li fi ftit żmien, l-MDA uriet li kapaċi tagħti vuċi b’saħħitha lill-industrija li tirrapreżenta. Waqt il-laqgħa, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista ppreżenta tliet proposti konkreti sabiex is-settur tal-kostruzzjoni ma jagħtix biss sehem ekonomiku iżda anke sehem biex titjieb il-kwalità tal-ħajja:

Tnaqqis fir-rata tal-capital gains tax biex proprjetajiet jilħqu l-ogħla effiċjenza tal-enerġija jew biex jiġu restawrati proprjetajiet f’żoni bi bżonn ta’ riġenerazzjoni, bħall-Marsa, l-Ħamrun, il-Qawra u Buġibba. Dan it-tnaqqis fit-taxxa jkun qed isir biex jingħata inċentiv biex jintlaħqu l-ogħla standards ambjentali.

Inċentiv fiskali lil dawk il-kumpaniji li jaħdmu fis-settur tal-kostruzzjoni biex jagħmlu upgrading tal-istandards ambjentali tagħhom. Dan l-inċentiv iwassal għall-ogħla standards possibbli biex l-impjanti, inġenji u vetturi fil-kostruzzjoni jkunu tal-ogħla standards ambjentali.

Pjan nazzjonali għall-infrastruttura li jitwettaq fuq medda ta’ għaxar snin u li jtejjeb l-infrastruttura tal-pajjiż mill-bankini sat-toroq fl-irħula u toroq arterjali. Gvern ġdid Nazzjonalista se jagħmel l-akbar investiment li qatt sar fl-infrastruttura u t-trasport. Il-pjan ikopri wkoll investiment f’sistema alternattiva ta’ trasport bħal dik ta’ light railway jew tram biex tassew tiġi indirizzata l-problema tat-trasport f’pajjiżna. Is-sistema ġdida ta’ trasport pubbliku alternattiv tkun sistema moderna u effiċjenti u li tgħaqqad il-pajjiż kollu, inkluż lil Malta u Għawdex.

Minn naħa tiegħu, l-President tal-MDA Sandro Chetcuti qal li jilqa’ b’sodisfazzjon dawn il-proposti. Hu qal li l-Assoċjazzjoni temmen f’dak li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u trid tagħti kontribut biex din il-viżjoni titwettaq. Hu rringrazzja lill-Partit Nazzjonalista talli laqqa’ fuq mejda waħda l-MDA mal-għaqdiet ambjentali.

Għal din il-laqgħa attendew ukoll il-Viċi Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco u Beppe Fenech Adami, x-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli, l-Kelliem tal-Ambjent, l-Ippjanar, l-Artijiet u l-Infrastruttura Ryan Callus, il-Kelliem tan-Negozji ż-Żgħar, l-Manifattura, l-Kummerċ, is-Self Employed  u l-Koperattivi Robert Arrigo, il-President tal-Forum SMEs Andre’ Grech, kif ukoll il-kandidati għall-elezzjoni ġenerali Sam Abela u Dorian Sciberras.