Lokali Qorti

Tliet snin ħabs wara li wettaq frodi b’karta tal-identita’ misruqa

Daniele Aquilina ta’ 23 sena minn Ta’ Xbiex li ftit tal-jiem ilu kien arrestat mill-Pulizija wara li nqabad isuq f’ħin li suppost kien ġewwa d-dar ġie ikkundannat tliet snin ħabs wara li ammetta li iffroda lill-kumpanija GO.
Aquilina ammetta quddiem il-Maġistrat Saviour Demicoli li fis-26 ta’ Lulju 2013 iffroda lill-GO u li uża karta tal-identita misruqa f’każ fejn huwa għamel użu minn dan id-dokument uffiċjali biex jagħmel kuntratti tat-telefon ċellulari
Ammetta wkoll li kiser ordni ta’ probation mogħtija fil-15 ta’ Marzu 2011 mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest mogħtija mill-Maġistrat Saviour Demicoli, il-Maġistrat Edwina Grima (illum imħallef) u l-Maġistrat Antonio Micallef Trigona.
Meta ġie biex jagħti l-piena, il-Maġistrat Demicoli kkunsidra fost oħrajn il-kondotta “xejn feliċi” ta’ Aquilina fejn irrimarka li minn eta tenera “għoġbu jaqbad it-triq tal-kriminalita. Kien għalhekk li kkundannah tliet snin ħabs.
Meta tressaq quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras mixli li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, l-Ispettur Kylie Borg spjegat kif Aquilina kien qal lill-pulizija li waqqfuh waqt roadblock kif huwa kien barra wara li riċentament kienet telqitu t-tfajla.
Il-prosekuzzjoni fil-konfront taż-żagħżugħ tmexxiet mil-istess Spettur Kylie Borg waqt li Aquilina kien assistit mill-Avukat Alfred Abela.