Lokali

Tliet snin tard, ir-rieda tal-poplu tirbaħ fil-Qorti

Bid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti Kostituzzjonali llum wettqet ġustizzja mal-poplu Malti u Għawdxi li għal tliet snin sħaħ ra l-vot tiegħu mċaħħad minn żewġ siġġijiet oħra għall-Partit Nazzjonalista fil-Parlament.

Il-Qorti qalet li l-iżball li sar fl-għadd tal-voti fl-elezzjoni ġenerali kiser id-dritt fundamentali għal elezzjoni ħielsa li tirrispetta r-rieda tal-votant. Ir-rimedju li tat huwa li l-Partit Nazzjonalista jingħata żewġ siġġijiet oħra fil-Parlament, fi żmien xahar. Din hija t-tieni darba li l-Qorti iddeċidiet li hemm ksur tad-drittijiet fundamentali f’dan il-każ.

“Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjoni kbir id-deċiżjoni tal-Qorti anki jekk ilna nissieltu tliet snin sħaħ biex naslu għall-ġustizzja. B’żewġ siġġijiet oħra fil-Parlament, se nagħtu vuċi saħansitra aktar b’saħħitha milli qed nagħtu lill-poplu Malti u Għawdxi fil-Parlament.” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fl-ewwel reazzjoni tiegħu għad-deċiżjoni tal-Qorti.

Il-Partit Nazzjonalista kkundanna bil-qawwa l-aġir tal-Gvern ta’ Joseph Muscat li għal tliet snin sħaħ għamel minn kollox biex il-kawża tittawwal sabiex iżomm maġġoranza akbar fil-Parlament milli jistħoqqlu. Sa mill-bidu nett, Joseph Muscat kien wera li lest iċaħħad lill-votanti minn dak li hu tagħhom bi dritt.

Il-Partit Nazzjonalista ma huwa sorpriż xejn li Joseph Muscat se jerġa’ jappella biex ikompli jagħmel minn kollox biex icaħħad lill-votanti minn żewġ rappreżentanti oħra fil-Parlament. Dan jikkonferma kemm bih fil-Gvern, anki dak li hu l-aktar bażiku f’demokrazija huwa mhedded.

L-appell li se jagħmel Joseph Muscat se jirrabja aktar lin-nies li ilhom tliet snin jistennew ġustizzja. Iżda se jsaħħaħ aktar minn qatt qabel id-determinazzjoni tal-Partit Nazzjonalista li jara li l-politika onesta tirbaħ fuq l-istil politiku ta’ Joseph Muscat. Il-Partit Nazzjonalista huwa konvint li dan ser ikun il-ġudizzju tal-poplu fl-ewwel okkażjoni li jkollu.

Il-Partit Nazzjonalista jiddedika r-rebħa ta’ llum lil dawk il-votanti li l-vot tagħhom ġie mċaħħad minn Joseph Muscat għal tliet snin sħaħ. Filwaqt li Joseph Muscat għadu jaħdem biex jiċħdilhom il-vot, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem biex il-vot tagħhom jiġi rikonoxxut. Il-Partit jirringrazzja lit-tim ta’ avukati li ħadmu bla heda fuq din il-kawża mmexxija minn Dr Paul Borg Olivier.