Lokali

“Tlift il-fiduċja fil-Gvern” – raġel li beda strajk tal-ġuħ quddiem Kastilja

Raġel li dalgħodu beda strajk tal-ġuħ quddiem Kastilja qal li tilef il-fiduċja kollha fl-awtoritajiet u fil-Gvern, wara li ilu mill-2015 jiġġieled battalja dwar nuqqas ta’ infurzar mill-Gvern fuq operaturi ta’ stabbilimenti ta’ divertiment li skont hu, qed jiksru l-liġi.

Ir-raġel, Dean Camilleri ta’ 31 sena minn Pembroke, qed jilmenta li ilu kważi sentejn ma jistax jorqod minħabba mużika amplifikata eċċessiva minn stabbilimenti ta’ divertiment li jinsabu madwar il-bajja ta’ San Ġorġ.

“Xbajt inċempel lill-Pulizija tal-anqas 10 darbiet fil-ġimgħa” qal Dean Camilleri f’kummenti lill-media quddiem l-Uffiċju tal-Prim Ministru. “Għamilt xhur u għadni sal-lum tiela u nieżel il-Qorti, niġri minn Ministeru għall-ieħor u minn awtorità għall-oħra” żied jgħid.

Dean Camilleri qal lil NETnews.com.mt li ressaq l-ilmenti tiegħu lil diversi Ministri kif ukoll bagħat e-mails lill-Prim Ministru Joseph Muscat.

Hu spjega lil NETnews li prova jagħmel minn kollox biex ikun hemm ġustizzja u li l-unika ħaġa li kien fadallu jagħmel hi strajk tal-ġuħ. “Jien se nżomm lill-Gvern ta’ Malta responsabbli għas-saħħa tiegħi tul iż-żmien li jkolli nqatta’ hawn nipprotesta” żied jgħid ir-raġel, li saħaq li tilef il-fiduċja fl-awtoritajiet u fil-Gvern minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tagħhom.

Dean Camilleri beda l-istrajk tal-ġuħ barra l-bini ta’ Kastilja filgħodu u aktar tard iffaċċja lill-Prim Ministru Joseph Muscat li kien dieħel Kastilja. Dan wassal biex ir-raġel kellu laqgħa mal-Prim Ministru fejn aktar tard ħabbar li ġie mwiegħed mill-Prim Ministru li se tittieħed azzjoni. Kien għal hekk li r-raġel ħabbar li għalissa se jkun qed iwaqqaf l-istrajk tal-ġuħ.