Lokali

Tmut wara li taqa’ minn dgħajsa f’Kemmuna

Mara ta’ 66 sena mill-Pietà tilfet ħajjitha traġikament wara li waqgħet waqt li kienet f’dgħajsa f’Kemuna, għalkemm awtopsja fuq il-kadavru tal-mara għandha titfa’ aktar dawl dwar dak li wassal għall-mewt tal-vittma.

Il-Pulizija mill-Għassa tar-Rabat (Għawdex) irċevew l-aħbar dwar il-mewt tal-anzjana għall-ħabta tal-4.30 ta’ waranofsinhar.

Minnufih il-Pulizija marru l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fejn mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li l-mara, allegatament, waqgħet waqt li kienet qiegħda Kemmuna fuq opra tal-baħar.

Malli seħħ l-inċident, issejjħet l-assistenza tal-Forzi Armati ta’ Malta li ħadu lill-mara l-isptar għall-kura medika. Madanakollu, sfortunatament, il-mara tilfet ħajjitha.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li awtopsja mistennija titfa’ aktar dawl dwar dak li wassal għall-mewt tal-vittma, filwaqt li l-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet dwar il-każ. Intant, bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Paul Coppini li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata.