Lokali

“It-tneħħija tar-reat tal-vilifikazzjoni tar-reliġjon dgħajjfu u mhux saħħew il-Kodiċi Kriminali ta’ Malta”

It-tneħħija tar-reat tal-vilifikazzjoni tar-reliġjon u d-dħul ta’ klawżola ġdida fil-Kodiċi Kriminali dwar ir-reat ta’ mibegħda kontra r-reliġjon dgħajjfu u mhux saħħew il-Kodiċi Kriminali ta’ Malta.

Isostni dan id-Dekan tal-Fakulta’ tal-Liġi fl-Universita’ ta’ Malta, il-Professur Kevin Aquilina f’artiklu ippubblikat fil-ġurnal Times of Malta.

Il-Professur Aquilina qal li lanqas laħqet nixfet il-linka fuq il-karta b’dawn l-emendi li seħħew żewġ każi ta’ vilifikazzjoni tar-reliġjon; is-serqa ta’ ostji konsagrati mill-Knisja tal-Franġiskani fil-Belt Valletta u d-desakrazzjoni tal-Koran fil-kamra tat-talb fl-Isptar Mater Dei.

Hu kompla li filwaqt li l-Gvern saħaq li bil-klawżola l-ġdida kontra r-reati ta’ mibegħda kontra r-reliġjon, saħħaħ il-Kodiċi Kriminali, dawn iż-żewġ każi m’humiex koperti bir-reat imsemmi f’din il-klawżola ġdida.

Fil-każ tas-serq tal-ostji, il-Professur Aquilina qal li hu diffiċli ħafna li ġġib prova li l-mottiv wara s-serq kien mibegħda lejn ir-reliġjon, f’dan il-każ ir-reliġjon Kattolika. Ladarba tneħħa r-reat ta’ vilifikazzjoni, jekk il-ħalliel jinqabad, il-pulizija jistgħu jixluh biss fuq serq.

Għal dak li għandu x’jaqsam mad-desakrazzjoni tal-Koran, il-Prosekuzzjoni trid tipprova li l-iskop warajh kien li jxerred il-mibegħda kontra r-reliġjon. Il-Professur Aquilina kompla li filwaqt li dan il-każ kien jaqa’ eżatt taħt ir-reat ta’ vilifikazzjoni, hu staqsa kif jista’ wieħed jipprova l-iskop ta’ mibegħda kontra r-reliġjon quddiem Qorti. Li toffendi, tirredikola u tinsulenta hu differenti milli xxerred mibegħda, sostna d-Dekan tal-Fakulta’ tal-Liġi.

Barraminhekk, il-liberta’ tal-espressjoni artistika – li kienet ir-raġuni ewlenija mill-Gvern biex ineħħi r-reat ta’ vilifikazzjoni – ma kellha x’taqsam xejn f’dawn iż-żewġ każi.

Għaldaqstant, kompla l-Professur Aquilina, għandna sitwazzjoni fejn iddaħħlet lakuna fil-liġi kriminali Maltija li tħalli persuni iwettqu vilifikazzjoni tar-reliġjon ta’ kwalunkwe denominazzjoni, irrispettivament mill-liberta’ tal-espressjoni.

L-Artiklu jagħlaq li f’Malta hawn ħafna Insara, Lhud, Musulmani u persuni ta’ twemmin ieħor li r-reliġjon hi għażiża għalihom u li jweġġgħu meta r-reliġjon tagħhom tkun imkasbra b’dan il-mod.

Issa, l-Istat ma jista’ jagħmel xejn dwar dan ħlief li jkun xhud impotenti għall-att ta’ vilifikazzjoni tar-reliġjon.