Lokali

AĠĠORNAT: Salvati żewġ barranin wara li jinqabdu f’għar fl-Aħrax tal-Mellieħa

Żewġ żgħażagħ Franċiżi jistgħu jgħodduha b’waħda u jirringrazzjaw lill-awtoritajiet Maltin wara li krew kenura, daħlu f’fetħa fil-blat u spiċċaw maqbuda fiha, jiġġieldu mal-kurrent u l-mewġ li beda jħabbathom mal-blat.

Kien għall-ħabta tas-siegħa ta’ wara nofsinhar meta membri tal-Malta Red Cross kienu fl-inħawi sejrin fuq biċċa xogħol u rrealizzaw li ż-żgħażagħ kienu f’diffikultà u maqbuda fl-inħawi tal-Aħrax tal-Mellieħa.

Immedjatament sar kuntatt mal-awtoritajiet, ewlenin fosthom il-Protezzjoni Ċivili u l-Forzi Armati ta’ Malta. Dan filwaqt li iżjed membri tal-Malta Red Cross bdew jaslu fil-post, inkluż permezz ta’ tim mediku.

Fil-bokka, fejn kien hemm maqbuda l-Franċiżi, il-membri tal-Malta Red Cross ħadu ħsieb jikkalmaw liż-żgħażagħ u jiżguraw li dawn ma jitħabbtux mal-blat minħabba l-kurrent.

Għall-ewwel sar attentat biex il-Franċiżi jittellgħu permezz tal-ħbula, iżda ladarba l-kundizzjonijiet tat-temp kienu favorevoli, fil-post issejjħu l-Forzi Armati ta’ Malta permezz ta’ ħelikopter.

Minbarra t-tarħiġ li jsir matul is-sena, u li f’dan il-każ ġie utli fil-prattika, vitali kienet il-kooperazzjoni u l-ħidma konġunta b’mod perfett bejn l-awtoritajiet kollha konċernati.

Frott din il-ħidma mill-aqwa, it-tfajla Franċiża kellha bżonn ftit kura minħabba grif u daqqiet f’saqajha, iżda ma kienx hemm għalfejn tittieħed l-isptar. Min-naħa l-oħra l-ġuvni li kien hemm magħha ma kellu l-ebda ġrieħi.

Dan hu l-iktar każ riċenti minn sensiela fejn l-awtoritajiet Maltin kellhom jintervjenu f’każi fejn barranin kellhom bżonn l-assistenza wara li spiċċaw f’diffikultà minħabba l-kurrenti u l-mewġ fl-ibħra ta’ pajjiżna.