Lokali

Toni Abela jgħid li l-kontroversji riċenti tal-Gvern ma jinkwetawhx

Minkejja kontroversja wara l-oħra li qed jolqtu lill-Partit Laburista, l-iktar waħda riċenti dik imsejħa bħala gaffe kostituzzjonali doppja bil-ħatra ta’ żewġ Maġistrati ġodda, l-eks Deputat Mexxej tal-Partit Laburista jgħid li dawn il-kontroversji ma jinkwetawhx.

Toni Abela stqarr dan waqt Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-Partit Laburista li fiha d-delegati preżenti approvaw tibdil fl-istatut, b’vot wieħed biss kontra, biex fost l-oħrajn membri parlamentari jkunu jistgħu jokkupaw il-kariga ta’ Deputat Mexxej … mossa ċara li tkompli tindika x-xewqa ta’ Muscat li siġġu ma’ siġġu miegħu fit-tmexxija tal-partit ikollu lil Konrad Mizzi.

Anke’ l-Prim Ministru Joseph Muscat injora l-kontroversja u l-kritika, inkuż mill-awtoritajiet kostituzzjonali, meta ftaħar li l-Partit Laburista m’għandux kriżijiet.

Matul id-diskorsi tagħhom, kemm Muscat u Toni Abela qalu li dan tal-aħħar kien ilu jitlob li jitneħħielu l-piż tal-kariga.

Iżda minkejja li kien għejja, minflok Deputat Mexxej, Muscat issa se jgħabbih b’piż li jirrappreżenta lil pajjiż sħiħ minflok lil partit.

Intant għal din il-Konferenza deher n-nuqqas ta’ interess fejn fis-sala spikkaw il-postijiet vojta.