Internazzjonali

It-Torok iridu jżommu mal-kriterji għall-ivvjaġġar mingħajr visa fl-UE

L-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans, insista li l-Eżekuttiv tal-UE ‘mhux se joqgħod jilgħab bil-kriterji’ biex, fil-ġimgħat li ġejjin, jippermetti li t-Torok jivvjaġġaw mingħajr visa fl-Istati tal-Ewropa, bħala parti minn ftehim biex it-Turkija tgħin biex trażżan l-immigrazzjoni.

Timmermans enfasizza dan il-punt lill-Parlament Ewropew fejn irrefera għat-72 element ta’ kriterja li t-Turkija trid tlaħħaq magħhom jekk iċ-ċittadini tagħha għandhom jitħallew jivvjaġġaw lejn l-UE mingħajr il-ħtieġa ta’ visa.

‘Il-piż ta’ dan it-tragward irid jaqa’ fuq spallejn it-Torok li qalu li jistgħu jirrispettaw dawn il-kriterji’, sostna l-Viċi-President tal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea, f’dawn il-jiem, tiddeċiedi jekk tirrakkmandax li l-Istati-membri tal-UE, salaħħar ta’ Ġunju, jippermettux għall-iskema tal-visa waiver li l-UE offriet lil Ankara ( bħala parti mill-imsemmi ftehim) f’Marzu. Skont il-ftehim, it-Turkija, illum, qed tieħu lura immigranti u refuġjati li kienu telqu minn artha lejn il-gżejjer Griegi.

Fl-istess ħin, l-Ewropa tinsab skomda dwar il-prospetti għat-tnaqqis tal-kriterji għall-visa għas-75 miljun Torok, fi żmien meta l-Gvernijiet jinsabu taħt pressjoni biex irażżnu l-immigrazzjoni.