It-traġedja ta’ omm li tinqatel ftit passi bogħod minn uliedha fl-attakki ta’ Brussell

Omm ta’ 36 sena li kienet fost il-vittmi tal-attakki fi Brussell, kellha tinqatel ftit passi bogħod minn uliedha – żewġt ibniet ta’ tlett snin.

L-attakki fl-ajruport ta’ Brussell u fi stazzjon tal-Metro ħasdu l-ħajja ta’ aktar minn tletin persuna u darbu madwar 200 persuna.

Filwaqt li qed ikomplu joħorġu dettalji ġodda dwar dawn l-attakki, hi tassew traġedja għaż-żewġt itfal ta’ din l-omm, li kienu ftit passi bogħod minn ommhom malli seħħew iż-żewġ splużjonijiet fl-ajruport ta’ Zaventem fi Brussell.

L-omm ta’ 36 sena mill-Perù kienet qrib iċ-‘chek-in desk’ tal-linja tal-ajru ‘American Airlines’ meta ż-żewġt ibniet tagħha ta’ 3 snin telqu jiġru biex jilgħabu. Missier it-tfal telaq warajhom… u ftit mumenti wara seħħet l-isplużjoni qerrieda.

Fl-isplużjoni, l-omm tilfet ħajjitha iżda r-raġel tagħha u ż-żewġt itfal irnexxielhom isalvaw għalkemm indarbu xi ftit. Il-familja kienet qed tivvjaġġa biex tiltaqa’ ma’ xi qraba fl-Istati Uniti.