Lokali

Transport Malta tħabbar arranġamenti ta’ traffiku għal nhar it-Tnejn b’rabta mal-proġett tal-Kappara

Permezz ta’ stqarrija Transport Malta avżat lil pubbliku li l-kuntrattur tal-proġett tal-Kappara se jwaqqa’ bini fi Triq il-Madonna tal-Ġebla, l-Gżira nhar it-Tnejn li ġej bejn id-09:30 u s-13:00. Il-bini se jitwaqqa’ biex it-triq li twassal għall-junction tal-Kappara titwessa’. It-twaqqigħ se jsir fis-sit tal-bini stess iżda t-triq biswit se tingħalaq biex jitnaqqsu l-perikli.

Transport Malta spjegat li vetturi ġejjin minn Triq tas-Sliema se jgħaddu minn Triq D’Argens, waqt li dawk ġejjin minn Triq San Albert se jgħaddu minn Triq tas-Sliema. Parkeġġ fi Triq il-Madonna tal-Ġebla, bejn Triq tas-Sliema u Triq San Albert, mhux se jkun permess. L-aċċess għar-residenti u s-servizzi se jibqa’.

Transport Malta appellat sabiex il-pubbliku jirrispetta s-sinjali tat-traffiku temporanji u jsegwi d-direzzjonijiet mill-uffiċjali fuq il-post.