Lokali

Trattament mhux xieraq mill-Gvern mal-ħaddiema fil-Korporazzjonijiet

Mistoqsijiet parlamentari dwar ħaddiema tal-WSC mhux imwieġba wara aktar minn sena

Il-Gvern għandu jieqaf milli jkompli juża trattament mhux xieraq ma’ għadd ta’ ħaddiema f’korporazzjonijiet u awtoritajiet governattivi li qed jiġu vittimizzati għas-skapitu ta’ ħaddiema oħra tal-qalba.

F’intervent li għamlet fl-aġġornament tas-seduta ta’ nhar it-Tlieta, is-shadow Minister Marthese Portelli tkellmet dwar il-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma filwaqt li rriferiet għal trattamenti simili li kienu qed jirċievu ħaddiema f’korporazzjoni u awtoritajiet oħra governattivi.

Filwaqt li rringrazzjat lill-ħaddiema kollha tal-Korporazzjoni li ħadmu fil-passat u dawk li qed jaħdmu llum, hi saħqet li r-rwol tal-Korporazzjoni mhux biss li tara li jkun hemm servizz u jissewwew ħsarat . Il-WSC għandha dmir li tara x’viżjoni għandu jkun hemm għall-futur. Għandha tara x’investiment għandu jsir u xi proġetti għandu jkun hemm. Għandha tara l-kwalità tal-ilma, li tonqos il-ħela tal-ilma u jkun hemm sostenibbiltà kif ukoll li ma jkunx hemm abbużi fl-użu tal-ilma.

Għandha tara li tieħu sehem b’mod sħiħ fl-edukazzjoni tal-poplu. Il-WSC għandha tieħu l-inizjattivi biex tqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-ilma u toħloq skemi biex ikun hemm użu aħjar tal-ilma. Dan jista’ jseħħ biss jekk il-korporazzjoni u l-ħaddiema jkunu kompetenti, jekk il-ħaddiema jingħataw xogħol li għandhom esperjenza fih, jekk il-ħaddiema jkunu motivati u jekk ma jkunx hemm favoritiżmu. Marthese Portelli qalet li l-management għandu obbligu li jara l-ħaddiema jkunu kuntenti u jara wkoll li x-xogħol jitqassam b’mod ġust bejn kulħadd mingħajr ma jkun hemm preferenzi bejn ħaddiem u ieħor.

Id-Deputat Nazzjonalista qalet li f’laqgħat li kellha ma’ numru ta’ ħaddiema, lkoll wasslulha l-istess messaġġ. Li fil-Korproazzjoni qed jiddaħlu nies u jingħataw promozzjonijiet bl-addoċċ. Il-ħaddiema ma jistgħux jifhmu ir-rwol li qed jingħataw ċerti nies b’uħud jitlajjaw jaħdmu ftit li xejn u oħrajn jagħmlu xogħol ta’ tnejn.

Marthese staqsiet lill-Prim Ministru u lill-Ministru Konrad Mizzi għaliex mhux jingħata każ tal-ilmenti tal-ħaddiema. Hi qalet li filwaqt li l-WSC suppost għadha taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Prim Ministru, fil-fatt għadu responsabbli għaliha Konrad Mizzi tant li kien hu li ressaq fil-Parlament l-estimi tal-Korporazzjoni.

Id-Deputat Nazzjonalista staqsiet jekk hux minnu li fil-Korporazzjoni ddaħħlu madwar 150 persuna. Staqsiet jekk il-promozzjonijiet li ngħataw humiex ġustifikati.

Il-ħaddiema rrappurtaw li l-WSC saret qisha impriża tal-familja b’għadd ta’ ħaddiema ġodda jkunu qraba u familjari ta’ x’uħud.

Marthese Portelli qalet li f’Mejju ats-sena li għaddiet għamlet numru ta; mistoqsijiet parlamentari dwar in-numru ta’ ħaddiema fil-WSC. Kemm kien hemm ħaddiema li telgħu diversi skali. Kemm kiemn hemm konsulenti. B’liema mod ġew ingaġġati, jekk hux sejħa interna, sejħa pubblika jew fuq bażi ta’ position of trust. Għal dawn id-domandi kollha, wara aktar minn sena, ir-risposta baqgħet dejjem l-istess li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Hi staqsiet għaliex il-Prim Ministru u l-Ministur Mizzi mhux qed iwieġbu dawn id-domandi. Dan il-ħabi jindika biss li hemm affarijeit li mhux isiru sew.

Marthese Portelli qalet li meta l-Oppożizzjoni kienet tkellmet dwar il-ħatra ta’ persuna fil-kariga ta’ Executive Chairman, il-Gvern kien qal li kien għamel dan biex jiffranka l-pagi ta’ żewġ persuni peress li l-istess doveri kien se jaqdihom persuna waħda. llum is-sitwazzjoni nbidlet għax ma għadx hemm executive chairman imma chairman Kap Eżekuttiv. Dan issa għandu position of trust ma’ Projects Malta u għalhekk hu ċar li l-mossa ma saritx biex jiġu ffrankati l-flus imma biex jinħoloq job komdu għall-executive chairman.

Marthese Portelli staqsiet għaliex il-Gvern qed jaħrab milli jwieġeb id-domandi tal-Oppożizzjoni. Staqsiet minn fejn qed jiġu l-pagi tal-ħaddiema ġodda li qed jiddaħlu. Staqsiet jekk dawn humiex ġejjin minn fuq dahar il-ħaddiema l-oħra tal-Korporazzjoni.

Id-Deputat Nazzjonalista qalet li l-inġiniera twaqqfitilhom allowance li kienu jirċievu bħala kumpens għar-riskju li jgħaddu minnu meta jaħdmu fis-sistemi tad-drenaġġ. Staqsiet jekk il-Prim Ministru u l-Ministru Mizzi humiex kuntenti b’dan it-tnaqqis.

Marthese Portelli qalet li kienet diżappuntata meta fil-mesaħħ fir-rapport annwali tal-WSC iċ-Chairman kiteb li jrid li l-Korporazzjoni tkun xempju tar-relazzjonijeit tajba mal-ħaddiema. Kieku jitkellem mal-ħaddiema kollha, iċ-Chairman żgur ma kienx jikteb dak il-kliem, sostniet Martehse Portelli. Hi esprimiet it-tama li mhux qed jiġri f’din il-korporazzjoni l-isetss kif ġara mal-ħaddiema tal-Enemalta.

Marthese Portelli qalet li l-partit Laburista rebaħ bl-għajta li “Tista’ ma tabqilx magħna imma tista’ taħdem magħna”. Dan hu kliem li ntuża biex jintrebaħ il-vot. Il-ħaddiema ta’ diversi korporazzjonijeit u awtoritajiet governattivi llum qed jirrealizzaw li dan il-kliema ma għadux japplika għax qed jiġu aġevolati dawk tal-qalba.

Hi qalet li l-ħaddiema ma jistgħux jibqgħu jistennew sal-elezzjoni biex jirppotestaw bil-vot tagħhom. Għalhekk appellat lill-Prim Ministru u lill-Ministru mizzi biex jagħtu każ il-ħaddiema.
Marthese Portelli sejħet lill-ħaddiema biex jagħmlu kuraġġ u wegħdet l-appoġġ sħiħ tal-Partit Nazzjonalista li se jibqa’ jiddefendihom biex jassigura li l-affarijiet jitranġaw.