Għawdex Lokali

It-triq bejn iż-Żebbuġ u r-Rabat Għawdex f’periklu għas-sewwieqa

Kif jidher mir-ritratt hawn fuq, Triq iż-Żebbuġ, li hi t-triq prinċipali bejn iż-Żebbuġ u r-Rabat Għawdex, u li minna jgħaddi kull min irid, mill-belt kapitali ta’ Għawdex, imur iż-Żebbuġ, tinsab f’periklu għas-sewwieqa. Kull min jgħaddi minn din it-triq qed ikollu jevita partijiet mill-istess triq minħabba li t-triq niżlet, minħabba l-ħsarat li hemm.

Din it-triq jidher li mhix ta’ prijorità għall-Ministeru ta’ Għawdex għaliex korrispondenza li ntbagħtet mill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ Għawdex li ntbagħtet fi Frar li għadda, u li dan is-sit għandu kopja tagħha, baqgħet mhux imwieġba.

Fl-ittra tiegħu, l-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ jispjega x’inhu l-periklu għas-sewwieqa, kif ukoll appellaw biex il-Ministeru għal Għawdex jieħu azzjoni dwar din it-triq prinċipali. Fl-aħħar jiem, ma’ dan is-sit tkellmu numru ta’ persuni, anke Maltin, li marru ż-Żebbuġ Għawdex fix-xhur tas-sajf u li wkoll kienu f’periklu minħabba s-sitwazzjoni f’din it-triq.

L-ittra ndirizzata lill-Ministru Anton Refalo ġiet iffirmata mill-Kunsilliera kollha taż-Żebbuġ Għawdex.